B’investiment ta’ tnax-il miljun ewro, miexi b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fuq proġett li se jieħu post dik li kienet il-fabbrika tal-Malta Dairy Products fix-Xewkija Għawdex.
Proġett mifrux fuq żewġ sulari ta’ elfejn metru kwadru ’l wieħed, li mistenni joħloq mitejn u erbgħin impjieg ġdid.
Il-pjan hu li ġaladarba jitlesta x-xogħol lejn nofs is-sena d-dieħla, il-binja tilqa’ fiha għaxar kumpaniji, fi spazju li jiflaħ għoxrin uffiċċju.
Minbarra żewġ sulari t’uffiċini, il-binja se jkollha wkoll parkeġġ taħt l-art li jiflaħ ħamsa u sittin karozza, u spazji oħra fil-madwar għal mija u għoxrin karozza oħra – inkluż għal persuni b’diżabilità.Barra minn hekk, kif spjega l-Project Leader John Camilleri, qed jinbena reception centre separat mill-binja prinċipali, li fil-passat kien iservi ta’ blokka amministrattiva.
Qal li “Inti għandek area minbarra l-postijiet fejn għandek l-impjegati tiegħek, fejn tista’ tilqa’ n-nies, tagħmel konferenzi, postijiet ġewwa u barra fejn tista’ tospita n-nies, jew inkella tagħmel meetings żgħar mingħajr ma tinterferixxi max-xogħol ta’ kuljum tal-intrapriża tiegħek ġewwa l-main building.”
Medja ta’ ħamsin ħaddiem kuljum qed jaħdmu lejn u nhar, fejn bħalissa għaddej xogħol biex jissaqqaf il-pjan sotterran ħalli tinbena l-istruttura mill-wiċċ tal-art ’il fuq.
Camilleri spjega li “L-ikbar xogħol sar fuq il-pedamenti tal-bini għax instab li s-saff ta’ taħt kien ħafna iktar dgħajjef minn meta għamilna l-geotechnical surveys allura kien hemm bżonn strutturi iżjed speċjali għall-pedamenti.”
Dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela li qed ipoġġi lil Għawdex fuq quddiem biex jattira investiment ġdid fl-istess waqt li jkomplu jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda u ta’ kwalità.
Camilleri qal li “L-intenzjoni hija li l-bini jiġi finished fi stat avvanzat ħafna bl-aħjar attrezzaturi li għandna llum fejn jidħol climate control fejn jidħlu attrezzaturi oħra li wieħed jistenna f’bini modern kemm fl-aspett viżiv imma iktar u iktar fl-aspett ta’ biex wieħed jaħdem fil-kumdità. Għandek kollox f’post wieħed madwarek.”