Erbgħa u għoxrin siegħa wara li l-maġġoranza tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu dwar referendum ieħor fir-Renju Unit b’rabta ma’ Brexit, il-Prim Ministru Theresa May ċaħdet din il-proposta.
F’konferenza tal-aħbarijiet minn Downing Street, il-Prim Ministru Ingliż qalet li tul in-negozjati tagħha mal-Unjoni Ewropea hija dejjem trattat lill-Unjoni Ewropea b’rispett, u issa qed tistenna l-istess.
B’rabta mas-summit tal-Ħamis f’Salzburgu May qalet li l-Ewropa qed toffri lir-Renju Unit żewġ għażliet b’waħda minnhom tkun li jibqa tagħmel parti miż-żona ekonomika Ewropea.
Dan ifisser li r-Renju Unit xorta jkollu jobdi d-direttivi Ewropej fejn jidħlu l-ekonomija u l-immigrazzjoni.Fi kliem il-Prim Ministru Ingliż din il-proposta tkun qed twaqqa’ għaż-żufjett il-vot li ttieħed sentejn ilu fir-referendum ta’ Brexit.
It-tieni proposta tal-Unjoni Ewropea, spjegat May, tista’ twassal għal verifiki fil-fruntieri Ingliżi mal-Unjoni Ewropea u li l-irlanda ta’ Fuq tiġi separata mis-suq ewlieni Ingliż.
Dwar din May qalet li l-mexxejja Ewropej qed jagħmlu żball fundamentali jekk qed jaħsbu li hi se taċetta din il-proposta u tmur kontra vot unanimu li diġà ttieħed fil-parlament Ingliż. B’ton rett qalet li aħjar ma jintlaħaqx ftehim milli jintlaħaq ftehim ħażin.
Il-Prim Ministru Ingliż ikkritikat ukoll lil Donald Tusk li l-Ħamis qal li l-proposti mressqa mid-dokument Ingliż imsejjaħ Chequers huma ta’ theddida għas-suq ewlieni Ewropew.
May tkellmet ukoll dwar l-eventwalità li jibqa’ ma jintlaħaqx qbil. Hawnhekk assigurat lit-tliet miljun Ewropew li qed jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit li jiġri x’jiġri huma se jitħallew fil-pajjiż.
Hawnekk assigurat ukoll lill-poplu tal-Irlanda ta’ Fuq meta qalet li hija se tagħmel ħilitha kollha sabiex tevita l-prospetti li mill-ġdid terġa tinħoloq fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.