Aktar operaturi ngħaqdu fl-iskema tal-Gvern li fiha qed jiġi pprovdut trasport b’xejn lil studenti li jattendu skejjel privati u dawk tal-Knisja.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol reġa’ kkonferma l-impenn tiegħu biex kemm jista’ jkun aktar studenti li jattendu skejjel tal-Knisja u indipendenti li għadhom ma sabux trasport, ikunu f’sitwazzjoni li jsibu trasport.
Il-Ministeru spjega li l-operaturi tat-trasport fl-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti żdiedu bi 18 oħra ġodda fuq 57 biex b’hekk l-operaturi tat-trasport f’din l-iskema telgħu għal 75.
Madankollu, il-Ministeru ser ikun qiegħed jissokta b’ħidmietu biex aktar ġenituri jsibu trasport li jwassal lil uliedhom fl-iskejjel tal-Knisja u indipendenti.