Fid-diskors tiegħu fuq il-Fosos tal-Furjana, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, qal li l-Partit Nazzjonalista jista’ jibqa’ magħqud. Iżda fl-istess ħin wera biċ-ċar il-qasma li teżisti bħalissa. Fost oħrajn ma semmiex lil Simon Busuttil meta kien qed isemmi l-mexxejja tal-Partit Nazzjonalista. Dan fl-istess lejl li Simon Busuttil għażel li ma jattendiex fuq il-Fosos. F’diskors twil, Clyde Puli qal lin-Nazzjonalisti preżenti : “ejja ma nsawtux lilna nfusna”. Qalilhom biex jiftaħru u tenna li “partit maqsum ma jistax joħdilhom posthom.” Anke jekk prova jwaħħal fil-Partit Laburista li qed jipprova jnissel il-qasma fil-PN.
Għalkemm imbagħad hu stess spiċċa b’appelli biex jingħaqdu. Għax fi kliemu, “united we stand, divided we fall.” Puli qal li l-PN qatt ma kien ippreparat daqshekk għall-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew.