Il-vittmi ta’ tlieta minn kull erba’ femiċidji li seħħew f’pajjiżna f’dawn l-aħħar tmintax-il sena, inqatlu minn żewġhom jew is-sieħeb tagħhom, l-eks raġel tagħhom jew qarib tal-familja.
Dan sostnewh sitta u tletin organizzazzjoni f’pajjiżna, li ngħaqdu flimkien biex b’vuċi waħda jsemmgħu leħinhom dwar il-vjolenza domestika u jappellaw għal iżjed sigurtà għall-vittmi qabel ma jkun tard wisq.
Erbat ijiem wara l-qtil ta’ Lourdes Agius, l-organizzazzjonijiet irrimarkaw li dan kien ir-raba’ femiċidju f’Malta din is-sena.
Qalu li jinsabu mnikkta li mara oħra sfat vittma tal-vjolenza domestika u saħqu li huwa dritt fundamentali li persuna tgħix mingħajr il-biżà tal-vjolenza domestika.
L-istess ħsieb qasmitu ma’ ONE NEWS l-avukat tal-familja Deborah Schembri, li qalet kif ħafna vittmi tal-vjolenza domestika jibżgħu jirrappurtaw għax jaħsbu li jispiċċaw f’sitwazzjoni agħar.Bi tmintax-il sena esperjenza, Dr Schembri qalet li temmen li l-Pulizija jeħtieġu taħriġ iżjed intensiv, u nnutat ukoll li l-għases f’pajjiżna jridu jkunu attrezzati aħjar.
Spjegat li “Inti ma jistax ikollok xi ħadd li qed jagħmel rapport fuq vjolenza domestika u xi ħaddieħor eżatt warajh li ħabat qed jisma’ dak kollu li qal, xi ħaddieħor li tilef xi ħaġa qed jisma’ dak kollu li qal. Mhix condusive s-sitwazzjoni li hemm bħalissa fl-għases biex wieħed jirraporta affarijiet sensittivi bħal dawn b’moħħu mistrieħ li se jkollu għajnuna.”
Bl-istess mod għandu jsir tiġdid u tisħiħ fis-servizzi li jingħataw fil-Qrati, li normalment jisimgħu każi ta’ manteniment u kura u kustodja tat-tfal. Sitwazzjonijiet li ħafna drabi jkunu fi sfond ta’ vjolenza domestika.
Schembri qalet li “Huwa importanti li ma jkunx hemm dewmien assolutament, li l-partijiet jinstemgħu għaliex fuq il-karta nistgħu niktbu ħafna affarijiet imma l-kuntatt personali jista’ juru verament dak li jkun għaddej, u li jkollna deċiżjonijiet li jkunu verament spediti iktar malajr.”
Intant, f’inqas minn jumejn inġabru biżżejjed flus biex isir il-funeral ta’ Lourdes Agius.
Dan wara li aktar kmieni t-Tnejn, il-qraba tal-vittma talbu l-għajnuna finanzjarja lill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u lill-pubbliku biex ikunu jistgħu jippjanawlha l-funeral.
Il-flus li jifdal minn dawk li nġabru se jintużaw biex jgħinu lis-sitt uliedha li ħalliet warajha.
Lourdes Agius ta’ 35 sena instabet mejta fgata fuq is-sodda s-Sibt li għadda f’Raħal Ġdid, u s-suspettat ewlieni f’dan il-każ huwa s-sieħeb tagħha Michael Emmanuel ta’ tmienja u għoxrin sena mill-Kosta tal-Avorju li jinsab mixli bil-qtil tagħha.