Żagħżugħa ta’ tnejn u għoxrin sena taħt superviżjoni medika li qed tingħata l-kura għal problemi ta’ saħħa mentali, ingħatat il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet wara li tressqet il-Qorti fejn affaċċjat akkużi ta’ frodi, serq u ksur ta’ liġi.
Hija ġiet akkużata wkoll li ppruvat tweġġa’ lill-koppja li mingħandha kienet qed tikri l-akkomodazzjoni, u li saħansitra heddithom b’arma.
Fil-Qorti ħareġ kif iż-żagħżugħa – li għandha problemi ta’ saħħa mentali, u m’għandhiex la indirizz fiss u lanqas dokumenti uffiċjali, attakkat lil sid il-kera wara li mar biex jiddiskuti l-ħlas tal-kera.
Id-difiża qalet li ż-żagħżugħa m’għandhiex dokumenti għax kienu ttiħdulha mill-Qorti fil-passat fejn kienet ġiet akkużata li attakkat u darbet uffiċjal tas-sigurtà fl-Ajruport wara li rrifjutat li ssirilha tfittxija fuq persuntha.
Wara li kkunsidrat il-qagħda mentali tal-akkużata, u li din qed tingħata l-kura għaliha, il-Maġistrat Marseanne Farrugia ħelsitha mill-arrest fuq depożitu t’elf ewro u garanzija personali ta’ tlett elef ewro.