Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġġusfikata l-vot kontra l-emendi fil-liġi tal-vjolenza domestika li kompliet tħarrax il-pieni fil-konfront ta’ dawk li jinstabu ħatja ta’ din il-pjaga soċjali.
Mistoqsi mill-ġurnalist Kurt Sansone kif jista’ jikkundanna l-vjolenza domestika meta vvota kontra l-liġi li ħarrxet il-pieni kontra min iwettaq dan l-abbuż, Delia baqa’ jinsisti li għamel sew li vvota kontra dawn l-emendi li fost oħrajn żiedu l-piena ta’ ħabs għal dawk li jinstabu ħatja ta’ stupru.
Dwar l-użu tal-marijuana għar-rikreazzjoni, Adrian Delia qal li l-gvern beda din id-diskussjoni sabiex skont hu jirbaħ il-voti ta’ dawk iż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena li ser jivvutaw għall-ewwel darba grazzi għall-vot sittax li daħħal dan l-istess Gvern. Huwa tenna wkoll, li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra l-użu tal-marijuana għal użu rekreattiv.
Mistoqsi x’jagħmel bil-Programm ta’ Ċittadinana b’Investiment, Adrian Delia ħareġ kontra dan il-programm u qal li la jkun fil-gvern, lest li jneħħih bil-ġurnalist jiġbidlu l-attenzjoni li jeħtieġ ikellem sew lil ta’ madwaru.
Minkejja ż-żieda fin-nefqa tal-Gvern fi proġetti kapitali, il-Kap Nazzjonalista qal li l-gvern għadu m’għamiltx investiment kapitali wieħed u li m’għamel xejn biex jindirizza problema tal-akkomodazzjoni soċjali.
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li huwa inutli titkellem fuq soċjetà li jimportaha jekk meta jkollok is-saħħa tara li s-soċjetà tibgħat dan il-messaġġ, taġixxi l-kontra.
Il-PL qal li Adrian Delia llejla reġa’ kkonferma li jekk hemm xi ħadd li ma jimportahx mill-vulnerabbli huwa hu. Dan meta ddefenda l-vot tiegħu kontra l-liġi tal-vjolenza domestika.
Delia m’għandu ebda rimors li qal le fil-Parlament għal liġi li ssaħħaħ idejn il-vittma anke jekk f’dan il-każ kellu nies mill-grupp parlamentari tiegħu stess li vvotaw kontrih, qal il-Partit Laburista.
Sostna li l-vot ta’ Delia kien kundanabbli u l-fatt li xhur wara għadu ma realizzax kemm bagħat messaġġ ħażin lis-soċjetà huwa ta’ stmerrija kbira.