Il-Ministru Helena Dalli elenkat l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni bħala inċentiv għall-investiment u biex jitkabbar il-kummerċ bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea waqt diskussjonijiet fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-UE dwar is-sitwazzjoni tal-qafas finanzjarju tal-UE wara s-sena 2020.
Il-Ministru Dalli rrimarkat li l-fondi ta’ koeżjoni jixirqilhom iżjed importanza permezz ta’ allokazzjonijiet ġusti u mhux it-tnaqqis li hemm propost. Dan wara li l-Kumissjoni Ewropea pproponiet tnaqqis f’dan il-fond li huwa meqjus bħala kruċjali biex jgħin lil reġjuni differenti tal-UE fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali.
Minkejja li l-prodott domestiku-gross huwa ndikatur tajjeb, il-Ministru Dalli nnutat li huwa kruċjali li wieħed jikkunsidra ċirkustanzi differenti għal reġjuni differenti li prodott domestiku-gross ma jieħux inkonsiderazzjoni. Hija qalet ukoll li l-politika ta’ koeżjoni hija rilevanti anka għal dawk l-istati membri li għadhom ma laħqux il-livell mixtieq ta’ żvilupp ekonomiku.
Fuq l-immigrazzjoni, l-Ministru Dalli esprimiet l-appoġġ ta’ Malta għal nefqa ikbar fuq il-politika tal-immigrazzjoni. Hija nnutat ukoll il-proposti l-ġodda li saru mill-President Jean-Claude Juncker waqt id-diskors tal-Istat tal-Unjoni Ewropea iżda saħqet li d-diskussjonijiet fuq dawn il-proposti l-ġodda m’għandhomx jwasslu għall-waqfien fuq id-diskussjonijiet fuq proposti oħrajn li saru qabel.
Il-Ministri ddiskutew ukoll il-programm leġislattiv li skatta mad-diskors tal-President Juncker, fejn il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej saħqet dwar l-importanza li jitwettqu l-wegħdiet permezz tal-kwalita’ tal-liġijiet milli l-kwantita’. Eżempju ta’ dan hija l-proposta li tispiċċa l-qelba staġjonali tal-arloġġi, fejn il-Ministru nsistiet fuq l-importanza ta’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha nvoluti hekk kif din se timpatta s-soċjeta’ kollha.
Il-kunsill iddiskuta wkoll materji oħra bħall-istat tas-saltna tad-dritt fil-Polonja kif ukoll l-istadju preżenti tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit rigward il-Brexit.