Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-fondi Ewropej li Malta se tieħu wara l-2020 għandhom jikkonsolidaw u jsostnu u mhux iwaqqfu jew ifixklu t-tkabbir ekonomiku li pajjiżna esperjenza fl-aħħar snin. Waqt konferenza mal-ministri responsabbli mill-politika ta’ koeżjoni u l-fondi Ewropej f’Budapest, is-Segretarju Parlamentari insista li l-proposta tal-Kummissjoni ma tikkonsolidax it-tkabbir ekonomiku li kiseb il-pajjiż.F’dan il-kuntest qal li ma jaqbilx mat-tnaqqis tal-fondi Ewropej li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi fil-proposta inizjali tagħha.
Filwaqt li Malta mxiet ’il quddiem mill-aspett ekonomiku, il-pajjiż għandu diversi sfidi quddiemu fosthom fl-oqsma tal-ambjent, tal-edukazzjoni u tal-innovazzjoni. Aaron Farrugia enfasizza l-importanza li l-element soċjali jingħata prijorità fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020, bħal aċċessibilità u akkomodazzjoni affordabbli partikularment fid-dawl tar-realtajiet ġodda bħal soċjetà li kontinwament qed issir iktar anzjana.
Is-Segretarju Parlamentari pparteċipa f’konferenza ma’ ministri minn stati membri oħrajn u mal-Kummissarju Ewropew Gunther Oettinger, fejn saru diskussjonijiet wiesa’ dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni. Dawn il-laqgħat għandhom iservu biex pajjiżi Ewropej jiltaqgħu regolarment biex jaqsmu l-ħiliet, l-esperjenzi u l-ideat tagħhom għall-gwadan taċ-ċittadini kollha, qal Aaron Farrugia.
Il-politika ta’ koeżjoni għandha tiġi diskussa fil-kuntest tal-futur tal-Ewropa u l-viżjoni tal-futur hi waħda ta’ Ewropa soċjali. Jeħtieġ li l-futur tal-politika ta’ koeżjoni tkompli tikkonsolida l-ekonomija ta’ Malta li qed tikber kontinwament b’mod mgħaġġel.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li Malta qed tagħmel użu minn fondi ta’ koeżjoni għal diversi proġetti u inizjattivi li jolqtu primarjament lill-familji Maltin u Għawdxin. Semma ċ-Ċentru tal-Onkoloġija li nbena ftit snin ilu, iż-żewġ parks industrijali f’Ta Qali u fix-Xewkija, €50 miljun għan-negozji, €40 għal nies vulnerabbli, l-iskema tal-one tablet per child kif ukoll ir-restawr ta’ swar u ta’ fortifikazzjonijiet inklużi Sant’Anġlu u ċ-Ċittadella li tinsab finalista tar-Regio Stars Awards.
Aaron Farrugia tkellem dwar il-bżonn għal iktar flessibilità fejn jidħlu allokazzjoni ta’ fondi kif ukoll il-ħtieġa ta’ miri ċari u konsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-PGD tal-pajjiż. Il-livell ta’ edukazzjoni, il-klima, l-ambjent u l-innovazzjoni huma kollha fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward biex il-fondi Ewropej ikunu jistgħu jaslu għand iċ-ċittadini kif u fejn hemm bżonn.
Dwar l-irwol tal-politika ta’ koeżjoni fl-innovazzjoni, is-Segretarju Parlamentari qal li din għandha tkun ibbażata fuq viżjoni għal futur ’il bogħod mill-2020 u tiffoka fuq elementi li jsaħħu l-kompetittività tal-Unjoni fuq livell globali. “Malta taqbel li l-innovazzjoni hi waħda mill-elementi prinċipali li twassal għat-tkabbir ekonomiku u li l-politika tal-koeżjoni tista’ tikkontribwixxi għal dan. Fejn għandha x’taqsam l-innovazzjoni Malta għamlet ħafna progress. Għaldaqstant, jeħtieg iktar investiment biex jiġu indirizzati ċerti sfidi u biex nibqgħu nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li dan is-settur jista’ joffri”, qal Aaron Farrugia.