Bi tkabbir ekonomiku li jlaħħaq il-5.9% fl-ewwel sitt xhur tas-sena, Malta ġiet ikklassifikata fl-ewwel post fost il-pajjiżi msieħba fiż-Żona Ewro. Dan fi klassifika magħmula mill-aġenzija tal-kreditu DBRS.
Fl-ewwel edizzjoni ta’ pubblikazzjoni ġdida, l-aġenzija tal-kreditu rrapportat li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien ħafna aktar ogħla mill-medja taż-żona ewro ta’ 2.3%.Isegwu lil Malta, il-Latvja u l-Islovenja bi tkabbir ekonomiku ta’ 4.4% u 4.3% rispettivament.
Jirriżulta li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien xprunat l-aktar mill-andament pożittiv tal-ażjendi fejn il-profitti tan-negozji għolew b’€182 miljun meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena li għaddiet.
Joħroġ ukoll li matul din is-sena, id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq in-nefqa tal-Gvern kompliet tonqos. Fil-fatt il-konsum tal-Gvern kien anqas minn 17% tal-ġid nazzjonali meta mqabbel mal-20% fl-aħħar senta qabel il-bidla fil-Gvern.
L-aqwa pajjiżi li rreġistraw t-tkabbir ekonomiku kienu Malta, il-Latvja u l-Islovenja waqt li l-Italja, il-Belġu u Franza rreġistraw l-anqas tkabbir, aċċenat id-DBRS fil-pubblikazzjoni tagħna.
Ir-rapport juri wkoll li Malta kienet fost l-ewwel tliet pajjiżi bl-anqas rata ta’ qgħad. Fil-fatt ir-rata ta’ nies qiegħda f’Malta kienet ta’ 3.9%.
Il-Ġermanja kellha l-inqas rata ta’ qgħad bi 3.4% waqt li l-Olanda kellha l-istess rata ta’ qgħad ta’ Malta.