F’dawn il-jiem, iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż qed ifakkar il-15-il anniversarju minn meta nfetaħ dan iċ-ċentru f’pajjiżna. Dan kien l-ewwel ċentru kulturali Ċiniż li nfetaħ fl-Ewropa. Huwa parti minn ħolqa ta’ kollaborazzjoni riċeproka li dejjem kien hemm bejn dawn iż-żewġ pajjiżi li bdiet fl-1972 meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kien żar dan il-pajjiż mbiegħed.Il-kultura Ċiniża għandha storja li tmur lura mill-anqas 5,000 sena. Il-wirt kulturali li ta dan il-pajjiż hu enormi. Jekk aħna l-Ewropej għandna biex niftaħru bil-wirt kulturali enormi li għandna, iċ-Ċiniżi mhumiex anqas.
Dan l-aħħar kelli x-xorti li nkun parti minn delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela. Id-delegazzjoni kellha l-għan li tfassal pjan ta’ kopereazzjoni f’diversi oqsma bejn Malta u ċ-Ċina. Ma jonqosx li ddiskutejna ukoll il-koperazzjoni fil-kultura. Dan is-suġġett qam kemm fil-laqgħa mal-Istate Councilor u Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż Wang Yi kif ukoll mal-Ministru tat-Turiżmu u l-Kultura Ċiniż Luo Shugang. Fiż-żewġ okkażjonijiet tajna ġieħ lill-kontribut kbir li ċ-Ċentru Kulturali Ċiniż qed jagħti biex aħna l-Maltin u Għawdxin ingawdi wkoll is-sbuħija, napprezzaw u anke nitgħallmu mill-wirt kulturali, tradizzjonijiet, ħiliet kbar artistiċi f’kull qasam tal-arti li joffri l-ġens Ċiniż.
Illum hemm għarfien universali li jekk trid tkabbar il-koperazzjoni u l-ħbiberija bejn il-popli, il-diplomazija kulturali hi l-aqwa għodda. U jien personalment rajt lil dan iċ-Ċentru jikber u jifrex l-attivitajiet u t-tagħlim li joffri għal kull età, billi joffri opportinitajiet lill-artisti Maltin biex juru ħilithom f’dan il-pajjiż u anke lill-pubbliku biex jesperjenza dan in-nazzjon kbir. Għalhekk kiber ir-rispett reċiproku bejn il-popli ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li ma ħarsux lejn il-qies tal-pajjiż tagħhom imma ħarsu lejn kif jistgħu jgħinu lil xulxin.
Fil-kapaċità tiegħi ta’ Direttur tal-Kultura, qed nagħti s-sehem ċkejken tiegħi biex il-mandat taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż jiġġedded għas-snin li ġejjin biex ikompli bil-ħidma sfiqa tiegħu ġewwa pajjiżna u tinfirex aktar il-kollaborazzjoni bejn il-qasam kulturali Malti u dak iċ-Ċiniż. Qegħdin naraw kif din il-kollaborazzjoni tespandi għal setturi oħra kulturali għax it-tnejn li aħna għandna ħafna aktar fejn nistgħu naħdmu flimkien b’mod reċiproku.
Nawgura aktar snin ta’ ħidma lid-direttur taċ-Ċentru Mr Wang Yanjun u l-istaff kollu tiegħu u ngħidilhom GRAZZI f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.