L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett għall-bini ta’ żewġ mini taħt l-art mar-roundabout ta’ Santa Luċija. Dan il-proġett se jgħaqqad flimkien it-Triq tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija, lejn Triq Aldo Moro. Il-proġett multi miljunarju se jara l-bini ta’ żewġ mini ta’ madwar mitt metru u roundabout ġdida. Dan filwaqt li s-sistema tal-elettriku, ilma u l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni fl-akwati se jsiru kollha mill-ġdid. ONE News tkellem mal-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg li qal kif l-approvazzjoni turi kif l-awtoritá tal-ippjanar fehmet il-bżonn li hemm għal dan il-proġett.
“Dan se jfisser ħafna inqas ħin fit-traffiku lin-nies illi qed jivvjaġġaw fuq in-naħa t’isfel tal-pajjiż, fis-south ta’ Malta, għaliex m’għandekx issa l-bottleneck ta’ roundabout, meta wieħed jikkunsidra wkoll li ladarba jitlesta l-proġett tal-Marsa in-nies ser jaslu ma’ dik l-istess roundabout junction aktar malajr. U allura qed nantiċipaw sfidi illi se jkomplu jidhru kemm-il darba ma nintervjenux u aħna se nintervjenu.”
Il-Ministru Borg spjega li wara li f’April li għadda ħarġet sejħa għall-offerti, għaddej il-proċess sabiex tintgħażel offerta biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-proġett.
Qal li l-proġett tal-junction tal-Marsa miexi b’rata mgħaġġel tant li se tinfetaħ it-triq ta’ fejn iċ-ċimiterju tat-torok li tagħti għal Ħal Luqa u Ħal Qormi.
“ Wasalna issa lejn it-tmiem tat-tieni fażi. Qed naraw kif fis-sigħat illi ġejjin jinfetaħ anke l-aċċess mill-Marsa lejn il-kumplament ta’ Ħal Luqa u Ħal Qormi, jiġifieri quddiem iċ-ċimiterju tat-torok u allura din ser tagħti terġa’ nifs ġdid għall-kumplament tad-diversions li qed isiru.”
Il-proġett tat-twessigħ tat-triq tal-Marsa-Ħamrun Bypass hekk kif taqbeż il-mini ta’ Santa Venera wkoll wasal fi tmiemu u se jkun komplut fil-ġimgħat li ġejjin.