Il-Gvern feraħ lid-Dwana Maltija għall-ħidma siewja tagħha li wasslet għal dik li qed titqies bħala l-iktar qabda ta’ droga fl-istorja ta’ pajjiżna kemm fil-piż kif ukoll fil-valur tagħha.Fi stqarrija, il-Gvern innota li bastiment, b’għadd ta’ kontejners abbord, ilu jiġi segwit għal numru ta’ jiem sakemm wasal Malta u l-uffiċjali tad-Dwana setgħu jintervjenu.
Dawn l-investigazzjonijiet irriżultaw f’suċċess bis-saħħa tal-investiment qawwi li sar f’scanners ġodda li għandhom teknoloġija avvanzata għal spezzjonijiet simili.
Il-Gvern huwa infurmat li bħalissa għadha għaddejja l-analiżi fuq il-materjal li ġie interċettat, bis-sehem tal-pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga u dawk forensiċi.
Dan ix-xogħol, li se jibqa’ għaddej matul il-lejl u l-jum ta’ għada, qed jindika ċar li l-ammonti jlaħħqu tunnellati kbar ta’ droga suspettata kannabis. Fuq il-każ issejħet ukoll inkjesta maġisterjali.
Il-Gvern temm jgħid li dan huwa każ ieħor li juri li l-infurzar tal-liġi f’pajjiżna qiegħed jaħdem sew b’rispett lejn is-saltna tad-dritt.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2018/09/17/esklussiva-qabda-enormi-ta-droga-fghadd-ta-kontejners-fil-freeport-5/