Ilbieraħ, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġiet ippreżentata bil-premju Ġieħ Ħal Balzan, f’ċerimonja li saret fil-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan.
Is-Sindku ta’ Ħal Balzan Ian Spiteri qal li bħala kunsill lokali ħadmu fil-qrib mal-President Coleiro Preca, u ta’ dan Spiteri rringrazzja lill-President ta’ kemm tagħraf l-importanza u l-ħidma tal-kunsilli lokali.
“Għalkemm inqisuk bħala Balzanija, il-ħidma tiegħek tifrex lil hinn mir-raħal tagħna, però direttament u indirettament tħalli impatt kbir fuqna l-Balzanin”, qal is-sindku qabel ma’ ppreżenta l-premju lill-President.F’diskors qasir waqt iċ-ċerimonja, il-President Coleiro Preca qalet li hi kburija bil-komunità ta’ Ħal Balzan għas-sens kbir ta’ inklużjoni li jinħass fir-raħal, għaliex din hija komunità li fi ħdanha aċċettat diversi ċentri ta’ akkomodazzjoni protetta għal nisa msawta u t-tfal tagħhom, u għar-refuġjati.
Hija qalet li din il-komunità tant għandha sens kbir ta’ inklużjoni li qatt ma’ ħassitha mhedda, u li qatt ma’ esperjenzat tensjonijiet soċjali bil-barranin fostha. Il-President semmiet ukoll li Ħal Balzan serva bħala bażi għal studju mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, bit-titlu ‘Exploring Spaces and Relationships’. Hija qalet li tixtieq li tkompli ssir ħidma mill-qrib bejn il-Fondazzjoni u l-komunità ta’ Ħal Balzan, abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju.
Il-President irringrazzjat lis-sindku ta’ Ħal Balzan u lill-kunsill lokali ta’ dan il-premju, li fl-istess ċerimonja ġie ppreżentat ukoll lill-Isqof Awżiljari Mons Joseph Galea Curmi.
Ritratt: OPR