Ristorant f’Salisbury fir-Renju Unit ġie ssiġillat wara li żewġ klijenti ħasshom ħażin waqt li kienu qed jieklu. Dan ir-ristorant jinsab tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod mill-ġnien li ftit tax-xhur ilu instabulu traċċi tan-Novichok. Fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda mara Ingliża sfat maqtula u s-sieħeb tagħha spiċċa f’qagħda kritika wara li missew flixkun mormi li kien kontaminat b’din is-sustanza li ntużat biex tivvalena eks spija Russu.
Xhieda fuq il-post li tkellmu ma’ Sky News qalu li mal-ewwel rapporti tal-inċident ingħalqet iż-żona ta’ mar-ristorant filwaqt li l-ħaddiema tal-emerġenza li kienu liebsin ilbies protettiv dehru deħlin fl-istabbiliment affetwat.
L-avveliment tal-eks spija Russu u bintu wassal għal kriżi diplomatika bejn ir-Renju Unit u r-Russja, hekk kif il-Gvern Ingliż waħħal fir-Russja. Madankollu Vladimir Putin ċaħad kategorikament l-involviment tal-Gvern tiegħu fil-każ.
Intant, f’intervista li għamel wieħed mis-suspettati ewlenin tal-attentat ta’ qtil tal-familja Skiripal qal li huwa kien żar Salisbury bħala turist sabiex jara t-tempju megalitiku ta’ Stonehenge. Skuża li ma niżlet xejn tajjeb mal-Gvern Ingliż.
Trouble in Salisbury again on New Street near the cathedral, no sign of what’s happened but there’s 1 fire engine, 1 ambulance and 4 police cars, a man in a full white body suit with a mouth-mask and police not allowed to tell us what’s happening @BBCNews @SpireFM @SkyNews pic.twitter.com/3XpNVkH9or
— Sam Proudfoot (@SamProudfoot_) September 16, 2018