L-Għaqdiet Mostin fil-maġġoranza assoluta tagħhom kif ukoll bosta minn dawk li fl-imgħoddi ħadu ġieħ il-Mosta illejla se jkunu qed jibbojkottjaw l-attivita tal-għoti ta’ Ġieħ il-Mosta.
Il-kunsill lokali tal-Mosta b’maġġoranza Nazzjonalista din il-ġimgħa sejjaħ laqgħa urġenti biex f’Jum il-Mosta jagħti l-premju Ġieħ il-Mosta lill-blogger Daphne Caruana Galizia.
Din il-mozzjoni biex Caruana Galizia tingħata dan il-premju għaddiet bil-casting vote tas-Sindku Nazzjonalista. Dan wara li sitt kunsillieri vvotaw favur u sitta oħra vvotaw kontra.
Sorsi qrib il-kunsill saħqu li dan il-premju se jingħata kontra kull prassi u regolamenti li jorbtu kif u lil min għandu jingħata dan il-ġieħ fosthom li jrid ikun ħadem għall-komunità Mostija u jew li ddistingwa ruħu għall-ġid tal-komunità tal-Mosta.