Torri qalb ir-raba’ li jgħasses il-bajja pittoreska tax-Xlendi f’Għawdex, f’żona magħrufa bħala Ras il-Bajda, se jiġi rrestawrat fi proġett b’investiment ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro.
Mibni fl-elf sitt mija u ħamsin fi żmien il-Granmastru Lascaris, għal għexieren ta’ snin, it-torri serva ta’ post ta’ għassa għall-pirati u dawk li kienu jaħarbu mill-kwarantina.
Ftit passi ’l bogħod mill-pajsaġġ li jwassal għat-torri wieħed dlonk jinduna bil-bżonn kbir ta’ restawr u konservazzjoni wara snin twal ta’ abbandun.Ir-restawr fuq barra u dak ta’ manutenzjoni se jinkludi xogħol fuq il-faċċata u fuq l-aperturi li ttieklu bl-ilma baħar, ħażna għall-ilma, pannelli tax-xemx, sistema ġdida ta’ dawl u bidla fil-pavimentar.Giovanni Zammit mill-Fondazzjoni Wirt Għawdex qal li x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tax-Xlendi –wieħed mid-disa’ torrijiet f’Għawdex u f’Kemmuna, mistenni jieħu sentejn.
Spjega li “Isfel se jkun hemm audiovisual fejn bniedem jista’ jpoġġi bilqiegħda u jara x’jista’ jgawdi madwaru u fuq fl-ewwel sular se jkun hemm panelli fejn jagħtu l-istorja tat-torrijiet f’Malta u Għawdex u għaliex kienu jintużaw fl-aħħar snin u il-parti tal-fuq tgawdi s-sunset sabiħa li jkun hawn.”
Il-proġett kollu se jiswa aktar minn terz ta’ miljun ewro, u b’veduta unika u mill-isbaħ fl-isfond li l-pubbliku jista’ jgawdiha biss minn fuq dan l-eqdem torri fil-gżira Għawdxija, is-sindku tal-Munxar Sonya Abela spjegat li mitejn u tmenin elf minnhom huma Fondi Ewropej.
Abela qalet li “Dan se nirrestawrawh kemm minn barra kemm minn ġewwa biex ikun attrazzjoni turistika għal kull min iżur il-gżira Għawdxija speċjalment il-bajja pittoreska tax-Xlendi.”
Il-pubbliku jista’ jasal ħdejn it-torri bil-mixi minn Wied il-Kantra u jgħaddi minn fuq pont qalb ir-raba’ mibni fi żmien l-Ingliżi.