L-għada tal-mewta traġika taż-żagħżugħ Rabti ta’ 24 sena, il-Pulizija ssoktat bl-investigazzjonijiet tagħha biex tistabbilixxi l-kawża tal-mewt.
Dan wara li matul il-jum tal-Ħamis saret l-awtopsja fuq il-katavru tiegħu.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu ma’ ONE NEWS li l-probabbiltà hi li Psaila miet meta kien qed jagħmel it-taħriġ tal-Apnea, teknika tal-għadds li permezz tagħha żżomm in-nifs.
Qalu li għall-kuntrarju ta’ każ ieħor simili li seħħ il-ġimgħa l-oħra u li fih tilef ħajtu Neil Zammit, Psaila ma kienx qed jogħdos b’kamera u għalhekk se jkun aktar diffiċli għall-Pulizija biex tistabbilixxi eżatt x’seta’ mar ħażin taħt wiċċ l-ilma baħar.L-istess sorsi qalu li Psaila ma kienx ilu mejjet u miegħu nstabu xi piżijiet u arloġġ ma’ jdejh li ġeneralment jgħoddsu bihom l-għaddasa.
Il-katavru ttella’ mill-baħar permezz ta’ azzjoni spontanja ta’ membru tal-protezzjoni ċivili.
ONE News tkellem mal-Istation Officer tal-istazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tax-Xemxija Fredrick Sammut. Huwa qal kif ARO Sandro Muscat, biex ma jitlifx ħin, neħħa ħwejġu u qabeż fil-baħar bit-tama li jiġi jsalva lil Psaila, iżda sfortuanatment kien kollu għalxejn.
Simon tilef ħajtu meta kien qed jgħodds bin-nifs fix-Xemxija u ttella’ bla ħajja mill-baħar miż-żona tal-Veċċja.
F’kumment fuq Facebook irreaġixxa wkoll Kerstin Sant, iż-żagħżugħ li qal li lemaħ l-ewwel il-katavru taż-żgħażugħ taħt il-baħar.
Qal kif minkejja li ħa azzjoni malajr sabiex isalvah, kien tard wisq għax Simon kien laħaq miet.
Etienne Psaila, ħu Simon ukoll sellem lil ħuħ b’messaġġ qasir.
Dwar dan il-każ infetħet ukoll inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxu mill-Għassa tal-Qawra.
Intant b’reazzjoni għal dawn iż-żewġ diżgrazzji fil-baħar f’anqas minn ġimgħa, l-uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili apella għall-iżjed attenzjoni meta l-għaddasa jippratikaw dan l-isport.
“Jekk inti persuna adulta jew sejjer togħdos, avża lil xi ħadd u għidlu fejn se tkun u ftehmu li se ċċempilu fil-ħamsa, s-sitta jew inkella persuna tmur ma’ xi ħadd ieħor, ikunu tnejn, wieħed fuq u ieħor isfel sabiex nħaddmu dik l-imsejjħa ‘buddy system’. Bi ftit aktar attenzjoni forsi mqar nevitaw disgrazzja waħda u nkunu għamilna xi ħaġa ta’ ġid” temm jgħid l-Uffiċjal Fredrick Sammut.