L-UE fi kwistjonijiet importanti, bħall-indirizzar tal-kriżi tal-immigrazzjoni, il-koeżjoni soċjali u ekonomika u l-iżbilanċi soċjali, l-UE ma kinitx deċiża f’dawn l-aħħar ħames snin. Ħafna mill-miri tal-Istrateġija Ewropea-2020 baqgħu fuq il-karta. Dan qalu Alfred Sant b’reazzjoni għad-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istat tal-Unjoni fil-Plenarja ta’ Strasburgu. Sant fakkar lil Parlament Ewropew li fil-bidu tat-terminu tiegħu fl-2014, il-President Juncker kien qal li “Il-Kummissjoni għandu jkollha impatt kbir fuq kwistjonijiet kbar, u għandha taġixxi biss fejn tkun tista’ tikseb riżultati aħjar milli kieku l-istati membri jaġixxu waħedhom.”
“Għalkemm naqbel ma’ din l-idea, nemmen li sa issa dan ma seħħx. Jekk kien hemm xi attentat immirat lejn din id-direzzjoni, dan ma kienx biżżejjed biex jiġu kkoreġuti d-dgħufijiet tal-Unjoni.”
Dr Sant qal li s-soluzzjoni, kien intqal, kienet “aktar Ewropa”. Din żiedet l-aspettattivi taċ-ċittadini. Sena qabel l-elezzjonijiet Ewropej, iċ-ċittadini għadhom qed iħossuhom ’il bogħod minn dak li jseħħ fi Brussell. F’dinja fejn il-globalizzazzjoni għandha piż, forsi, minħabba skopijiet ekonomiċi, iċ-ċittadini mhux isibu min jirrappreżentahom aħjar fl-istituzzjonijiet Ewropej, iżda qed isibuhom fil-fora politiċi nazzjonali. Għalhekk il-populiżmu f’ħafna pajjiżi tal-UE żied l-appoġġ. Dan mhux se nirribattuh billi nistabilixxu saffi ta’ istituzzjonijiet. Għandna minflok naħdmu lejn konsolidament politiku ġenwin ta’ ftit prijoritajiet fundamentali, qal Alfred Sant.