Jum ’il bogħod mill-inawgurazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Kirkop – b’investiment ta’ kważi miljun ewro, għaddejjin l-aħħar irtokki biex fi ftit jiem jibda jilqa’ l-pazjenti.
Bil-ħaddiema għaddejjin bl-aħħar xogħlijiet fuq il-binja, u bl-impjegati l-ġodda jingħataw it-taħriġ meħtieġ, ONE News iltaqa’ ma’ żewġ fiżjoterapisti li se jkunu stazzjonati f’Ħal Kirkop.
Ċentru li fi kliem Chris Cassar se joffri konvenjenza lin-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta, filwaqt li se jservi ta’ opportunità biex jagħti servizzi edukattivi ċentralizzati.
Għandek rehab ta’ ħafna injuries differenti tista’ tgħid il-ġisem kollu tibda mill-għonq sas-saqajn. Nitrattaw l-uġigħ, kundizzjonijiet bħall-artrite u rehabs wara operazzjonijiet.
Il-fiżjoterapista Luke Busuttil Leaver qal li bis-servizzi offruti f’dan iċ-ċentru se jkunu jistgħu jiffukaw fuq il-prevenzjoni. Fuq l-uġigħ li jinħass ta’ kuljum li jekk ma jiġix trattat immedjatament, jista’ jeskala’ u dak li jkun jiġi bżonn kura iżjed estensiva.
Din hija opportunità tajba ħafna biex bħala fiżjoterapisti naħdmu viċin tal-GPs u professjonisti oħra biex inkunu fuq quddiem tal-kura medika għall-pazjent. Ħa tgħinna biex inkunu nistgħu nagħtu l-għajnuna lill-pazjenti fuq livell primarju biex nipprevjenu li ċertu kundizzjonijiet isiru iktar kroniċi.
Is-Seniour Nursing Manager Louise Grech tkellmet dwar il-proċess kumpless li beda madwar sitt xhur ilu biex ġew trasferiti l-files ta’ aktar minn tmienja u għoxrin elf pazjent mill-Furjana għall-Ħal Kirkop.
Kellna nagħmlu żewġ xkafef separati biex ma jitħalltux u l-klijent baqa’ jinqeda sal-ġimgħa li għaddiet. Fil-bidu ta’ dil-ġimgħa bdejna nippakkjawhom ġol-kaxxi u ġibnihom hawnhekk f’posthom.
Jonqos biss li tul il-jum tal-Ħamis jitwaħħlu l-purtieri li nġiebu Malta minn Spanja u l-Ġimgħa jitla’ s-siparju fuq dan l-ewwel ċentru tas-saħħa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, ħalli t-Tnejn sbatax ta’ Settembru jibda jilqa’ l-pazjenti.