Josef Vincenti ta’ 31 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, wara li tressaq il-qorti mixli b’kummenti ta’ mibegħda, theddid, abbużivi u insolenti fil-konfront tal-Pulizija u li permezz tagħhom xewwex persuni oħra biex jagħmel reat u jiksru l-liġi.
Liema kummenti saru fuq il-paġna ta’ facebook ONE.COM.MT b’reazzjoni għall-istorja ta’ nhar il-Ħadd li għadda dwar kif il-pulizija qed jaqbdu 26 sewwieq fis-siegħa permezz tal-ispeed guns. http://www.one.com.mt/2018/09/09/ara-26-vettura-fis-siegha-jitwaqqfu-bl-ispeed-guns/
Fost il-kummenti ta’ Vincenti huwa qal : “JAGĦMEL SEW MINN ITAJJARHOM U JIBQA’ SEJJER” u fil-konfront tal-Ispettur intervistat fl-istorja huwa qal sabiex “JEKK IRRID IL-FLUS JITFA’ L-MARTU TOĦQOB”
Fil-kumment tiegħu l-ġuvni residenti Ħaż-Żabbar irrefera għall-attentat ta’ qtil fuq il-kuntistabbli Simon Schembri fejn ftit tax-xhur ilu sofra diżabilità ta’ 66% wara li Liam Debono magħruf bħala l-Lillu kaxkru għal mijiet ta’ metri taħt il-karozza tiegħu.
Kawża tal-inċident il-kuntistabbli tilef ukoll parti minn idu l-leminija minħabba ksur ikrah li ġarrab.
Fil-Qorti quddiem il-Magistrat Yana Micallef Stafrace huwa ma ammettiex l-akkużi miġjuba kontrih, se jinżamm arrestat, dan għax fost oħrajn huwa reċediv.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Roxanne Tabone.
Il-kumment tal-ġuvni qajjem għagħa fost il-Pulizija u wassal għall-kummenti ta’ bosta fosthom tal-Ispettur Sandro Camilleri fejn qal li l-pulizija qed taqdi dmirha u mhux sew li jintqalu kummenti ta dan it-tip fuq il-Pulizija u familthom.
Kien għalhekk lill-Pulizija arrestat lill-akkużat u resqitu l-qorti.