Żewġt irġiel ingħataw multa għaliex naqsu milli jidikjaraw qabda ta’ tonn ta’ 400kg fil-ħin stipulat, ċioe 72 siegħa.
Francesco Novello, il-kaptan tal-vapur tas-sajd ‘Cyrene’ li huwa minn Salerno u Joseph Mary Fenech, id-direttur ta’ Salina Acquaculture Ltd instabu ħatja li ma infurmawx l-awtoritajiet bil-qabda li kienu għamlu fiż-żmien stipulat mil-liġi għall-bastimenti tas-sajd li jkunu waslu minn barra l-Unjoni Ewropea.
Il-bastiment li jtajjar bandiera Libjana wasal Malta fl-10 ta’ Ġunju, għall-ħabta ta’ 9.44pm u ma tħalliex jitlaq minħabba t-tonn.
L-irġiel amettew l-akkużi. L-avukat tad-difiża Veronique Dalli qalet li dan il-każ ma kienx jinvolvi t-trasportazzjoni llegali tal-ħut, iżda każ ta’ notifika li saret tard. Kompliet tispjega li sensiela ta’ imejls juru kif l-irġiel inotifikaw l-awtoritajiet Maltin bil-qabda tagħhom, iżda dan ma seħħx fiż-żmien stipulat. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-akkużati ikkoperaw mal-Puliżija.
Novello weħel multa ta’ €6,000, filwaqt li Fenech weħel multa ta’ €1,000.