Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-baġit għas-sena d-dieħla se jitħabbar fit-22 ta’ Ottubru.
F’business breakfast dwar il-baġit flimkien mal-imsieħba soċjali u persuni involuti fin-negozju, il-Professur Scicluna qal li s-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna ma nżammx fuq l-ixkaffa iżda twettaq f’diversi miżuri u inizjattivi li kellhom skop li jgħinu lis-soċjeta timxi ‘l quddiem.
Il-Ministru Scicluna qal li l-interess ewlieni tal-Gvern huwa li jkun hemm bilanċ fil-finanzi u li l-ġid jitqassam b’ġustizzja u b’reqqa.Fisser is-suġġerimenti u l-proposti li saru mill-imsieħba soċjali bħala pożittivi ħafna u saħaq li l-baġit għas-sena d-dieħel se jiffoka fuq il-kwalità.
“Issa l-enfasi fuq il-kwalità tax-xogħol, l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, l-ambjent u l-infrastruttua, imma l-proposti li saru kienu utli għalija u anke għall-Gvern”.
Fost oħrajn iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti Ekonomiku u Socjali John Bencini tkellem fuq l-isfidi tal-kirjiet u l-ħaddiema barranin.
“L-isfidi tal-kirjiet tal-appartamenti, hawn min qed isofri ħafna bihom. Hawn min jispiċċ barra t-triq. L-isfida ta’ ħafna persuni li jħaddmu li mhux qed isibu biżżejjed ħaddiema u tisma’ sfortunatament Maltin jgħidu li għax hawn ħafna barranin”.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Kevin Camilleri, emfasizza fuq il-liġi marittima. Qal li l-Union qed titlob li “dawn il-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-sajd ikunu inklużi fl-istess liġi”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Union Ħaddiema Magħqudin, Josef vella appella biex l-ekonomija taħdem fi ħdan l-infrastruttura ta’ pajjiżna “li meta għandek ekonomija li sejra tajjeb, importanti li jkun hemm pjan fit-tul għal din l-ekonomja biex l-attività ekonomika li nkunu qed nagħmlu tkun sostenibbli”.
Il-Ministru Scicluna qal li nies imċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi u dawk f’riskju tal-faqar naqsu b’għadd ta’ miżuri soċjali li daħħal il-Gvern. Sostna li l-ħolqien u t-tqassim tal-ġid se jibqa fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern:
“Jiġifieri se naraw li mill-baġit li ġej il-Gvern se jsarrafha dik, li se juri kif il-kwalità tal-ħajja tista’ tkun aħjar permezz tal-miżuri imma fl-istess ħin se naraw focus importanti fuq it-tqassim tal-ġid”.
Dan se jkun it-tieni baġit ta’ din il-leġislatura.