48 siegħa wara każ li xxokkja lil bosta fejn tifel tat-twelid li kien għadu bil-kurdun instab imgeżwer qalb il-ħwejjeġ f’parapett ta’ blokka appartamenti f’Buġibba, il-Pulizija identifikat u bdiet tkellem lil omm iċ-ċkejken.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-omm hija Maltija, u sorsi qrib ONE News ikkonfermaw li għandha 22 sena u tgħix il-Qawra.
L-istess sorsi qalu li ż-żagħżugħa għandha tifel ieħor ta’ sena, u fl-aħħar sigħat saru l-arranġamenti meħtieġa biex dan jinżamm il-Cresche tal-Ursolini.
It-tfajla diġà kienet qed tiġi sorveljata mis-servizzi tal-Ħarsien tat-Tfal.
Il-Maġistrat tal-Għassa ħatar lill-psikjatra Ethel Felice biex teżaminaha matul il-jum tat-Tnejn.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali qed tinvestiga l-possibilità ta’ każ ta’ vjolenza hekk kif fuq l-omm intlemaħ xi tbenġil.
Il-każ xokkanti seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar meta t-tarbija nstabet mill-ġirien fl-entratura ta’ blokka t’appartamenti fi Triq il-Korp tal-Pijunieri f’San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-Pulizija u ambulanza li ħadu lit-tifel l-Isptar Mater Dei.
L-ewwel eżamijiet mediċi li saru lit-tifel sabuh f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba, għalkemm sorsi qalu lil ONE News li għalissa jrid jibqa’ jinżamm l-Isptar biex isirulu aktar testijiet. Huwa mhux se jkun għall-addozzjoni.
It-tifel, li ngħata l-isem ta’ Cristiano fuq xewqa tal-Maġistrat inkwirenti, mistenni jitpoġġa taħt care order u jittieħed għand is-sorijiet tal-Ursolini.
Il-Maġistrat Joe Mifsud għadu qed jinvestiga l-każ bl-għajnuna tal-espert mediku Dr. Mario Scerri, u l-istħarriġ tal-Pulizija għadu għaddej.