Medja ta’ 26 vettura fis-siegħa qed jitwaqqfu minħabba sewqan eċċessiv permezz tal-apparat tal-ispeed guns u jingħataw ċitazzjoni.
Dan qed issir f’diversi operazzjonijiet li qed issiru ta’ kuljum madwar il-pajjiż permezz ta’ dan l-apparat mill-Pulizija tas-Sezzjoni tat-Traffiku. Matul l-għodwa tal-Ħadd filgħodu ONE News segwa mill-qrib waħda minn dawn l-operazzjonijiet fi Triq Garibaldi li kienet imexxija mill-Ispettur Sergio Pisani.
Huwa spjega kif sa’ issa l-aktar veloċità eċessiva immarkata tul dawn l-aħħar xahrejn li ilhom jintużaw dawn l-ispeed guns kienet ta’ 144 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 60 kilometru fis-siegħa.
Madankollu b’dan l-apparatt qed jinqabdu diversi reati oħra marbuta ma’ sewqan, inkluż persuni li jkunu qed jużaw il-mobile waqt is-sewqan, mhux lebsin ċinutrin tas-sigurta’ u saħansitra anke falsifikazzjoni ta’ liċenzji.
Filfatt f’din l-operazzjoni twaqqfet vettura minħabba sewqan eċċessiv li mbagħad irriżulta li din il-vettura privata kienet qed tintuża bħala taxi mingħajr permess.
L-Ispettur Sergio Pisani mit-Taqsima tat-Traffiku spjega li l-Pulizija mhux obbligata li tavża jew li tindika li f’dik it-triq partikolari tkun qed issir operazzjoni.
Iżda xorta waħda tagħżel li tagħmel dan filfatt qal kif tul il-medda ta’ qabel tkun qed issir l-operazzjoni jitpoġġew għadd ta’ tabelli.
“Il-Pulizija nkunu liebsin il-flourescent vests biex nidhru, u jkollna l-karozzi mmarkati, għax aħna qegħdin hawn biex nedukaw in-nies u mhux biex nagħtu ċ-ċitazzjonijiiet” qal Pisani.
Il-Pulizija tagħti d-dritt ukoll lil dak li jkun biex jara l-kamera u jikkonferma li l-karozza tiegħu kienet għaddeja b’iktar veloċita minn kemm suppost.
Hija mhux obligata wkoll li twaqqaf il-vettura li tkun għaddejja b’ veloċita għolja u tista’ wkoll tibgħat iċ-ċitazzjoni bil-posta.
Marbuta ma’ dan ir-reat hemm tnaqqis ta’ tlett punti kif ukoll piena finanzjarja ta’ €35 meta wieħed ikun għaddej sa ħmistax il-kilometru iżjed minn dak massimu, u €75 jekk wieħed ikun għaddej b’iżjed minn 15 il-kilometru fis-siegħa fuq dak permissibli.
L-Ispettur Pisani spjega kif dan l-apparrat jaqbad vetturi li jkunu għaddejjin saħansitra tnejn punt erba kilometri l’ bogħod u jaħdmu anke fid-dlam ċappa.
“Għalkemm il-Gvern qed jaħdem biexitejjeb l-infrastruttura tat-toroq huwa mportanti li l-individwi jsuqu bir-reqqa. L-ispeed guns huma nvestiment biex iżommu t-toroq bla periklu” temm jgħid l-Ispettur Pisani.