Żagħżugħ ta’ 21 sena residenti Marsascala ingħata l-ħelsien mill-arrest u tpoġġa taħt probation wara li tressaq il-Qorti akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja billi ma kienx imur jiffirma l-għassa tal-pulizija f’Ħaż- Żabbar.Jidher li l-imputat naqas milli jinforma lill-awtoritajiet li biddel l-indirizz u għalhekk kienet aktar diffiċli għall-pulizija biex isibuh. Il-ġuvni li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Maġistrat Monica Vella, qal li l-affarijiet tal-Qorti kien jeħodlu ħsiebhom missieru u li huwa qatt ma ra rikors b’għajnejh.
Żied jgħid li meta kien jitlob lill-missieru biex jara d-dokumenti legali għax huwa dritt tiegħu, huwa qal li missieru kien jgħidlu li la kien hu (l-missier) li qed iħallaslu l-ispejjeż tal-avukat u tal-Qorti, huwa m’għandux jidħol fiha. L-imputat qal li huwa ma kienx jaf li missieru ma informax lill-pulizija li biddel l-indirizz u talab lill-Qorti sabiex ma jinżammx arrestat, dan hekk kif minn hawn u ftit ieħor huwa se jibda t-tieni sena l-MCAST, fejn bħalissa qed isegwi kors fis-saħħa u l-kura soċjali.
Huwa talab lill-Qorti wkoll sabiex toħrog ordni li l-familja tiegħu ma tersaqx lejh għaliex il-każijiet ta’ ġlied familjari, jidher li kienu jinvolvu vjolenza domestika. Erba’ mill-każijiet ta’ ġlied familjari kienu ma’ ommu li ilha għal dawn l-aħħar ħames snin tingħata kura għas-saħħa mentali, u argument ieħor li għandu x’jaqsam ma’ huh.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Charlotte Curmi qalet li fl-isfond tal-kuxjenza li nħolqot dwar il-vjolenza domestika wieħed għandu jikkunsidra l-aħjar interessi tal-familjari tal-imputat.
Fil-Qorti l-imputat irrimarka li mir-rapport li sar il-Ġimgħa, huwa kien il-vittma għaliex huwa qala’ d-daqqiet u kienet ommu li sprajjatlu bott deodorant lejh.
Il-Maġistrat Monica Vella ordnat li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni proviżorja fil-konfront tal-familja tiegħu fejn bl-ebda mod ma jista’ jkellimhom. Ordnat ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fuq l-imputat, fejn la ommu u wisq anqas ħutu ma jistgħu ikelmuh jew jersqu lejh.
Il-Maġistrat Vella wisset lill-imputat sabiex japprezza l-fatt li l-Qorti qed ittih cans ieħor, dan hekk kif faċilment setgħet bl-aktar mod kiesah u biered tibgħatu sentejn ħabs, madankollu, se tagħtih opportunità oħra sabiex jirriforma ruħu, tant li lanqas depożitu m’hija se timponi fuqu dan għall-fatt li minn din il-ġimgħa huwa beda jaħdem part time.
Huwa ġie ordnat li jiffirma l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar nhar ta’ Sibt kif ukoll irid ikun lura d-dar sal-23:00 minħabba li xogħlu jispiċċah filgħaxija.