Ingħata bidu għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li se tkun organizzata fil-kumpless sportiv tal-Qroqq. Din l-attività timmarka l-għeluq tal-programm tant popolari mal-Maltin Summer on the Move li esperjenza rekord ta’ ’l fuq minn 7,000 parteċipant.
L-ewwel avveniment għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ingħata l-bidu tiegħu fid-disgħa ta’ filgħodu fejn il-logħob tal-ilma kienu ċ-ċentru tal-attività. Fost ħafna attivitajiet oħra ġie organizzat tournament tal-isquash għall-atleti tal-programm, tħejjew klassijiet għal adulti li jinkludu yoga, aqua fitness, qbiż tal-ħabel, u ma naqqasx l-ispettaklu organizzat mill-akkademja tal-għawm sinkronizzat.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ħabbar li minn din il-ġimgħa stess se jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ pixxina indoor ġdida b’faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali bid-daqs dak olimpiku fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. Huwa saħaq li dan il-gvern iwettaq dak li jwiegħed u fil-qasam sportiv huwa impenjat bis-sħiħ biex pajjiżna jikseb riżultati tajbin.
Filwaqt li enfasizza li l-isport u l-attività fiżika regolari huma parti kruċjali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, Clifton Grima qal li l-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport għandha sservi biex tipromwovi l-ġlieda favur l-attività fiżika. L-għan huwa li ċittadini Ewropej ikunu konxji tal-messaġġ #BeActive u jiġu spirati biex l-attività fiżika ssir parti integrali fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom.
SportMalta huwa l-koordinatur nazzjonali tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport f’Malta, fejn għar-raba’ sena konsekuttiva qed jitħejja programm vast u intensiv t’attivitajiet sportivi li se jolqot il-gosti ta’ kulħadd.