Pepina Elvira ta’ 33 sena mill-Latvja ingħatat il-libertà kkundizzjonata għal sena wara li tresqet il-qorti akkużata li kkawżat grieħi ħfief fuq mara oħra.Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tal-22:10 f’lukanda li tinsab fi Triq id-Dragonara f’San Ġiljan, meta inqala’ diżgwid bejn l-imputata u l-barmaid tal-lukanda. Jidher li kien hawn li Charmaine Cassar, li hija l-maniġer tal-lukanda fejn l-imputata kienet qed tirresjedi, ippruvat tikkalma s-sitwazzjoni billi tressaq lil Pepina Elvira ‘l bogħod mill-barmaid. Jidher li malli seħħ hekk, l-akkużata kienet pronta u ggranfat lil Charmaine Cassar bil-konsegwenza li kkawżatilha xi grif fuq idejha.
Hija wieġbet ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha. Il-Maġistrat Monica Vella ordnat li tinħareg ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma Charmaine Cassar għal tliet snin, u qaltilha sabiex ma tersaqx lejn il-lukanda fejn hi kienet qed tirresjedi tempornjament. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Leeroy Balzan Baldacchino filwaqt li għall-imputata dehru l-avukati Josette Sultana u Lara Mizzi.