Fl-ewwel nofs tas-sena aktar minn €2.5 Miljun f’benefiċċji soċjali ġew iffrankati minn taqsima apposta fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Minn tagħrif li kiseb ONE NEWS joħroġ li bejn Jannar u Ġunju li għadda, l-ispetturi tad-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji investiga ’l fuq min 800 każ. Kieku ma ntebħux b’dawn il-każi, it-tax payers kienu jħallsu maż-€2.5Miljun, jew kważi €22,700 fil-ġimgħa.
F’intervista ma’ ONE NEWS, George Cremona, id-Direttur il-ġdid ta’ din it-taqsima qal bit-tnedija fl-aħħar snin ta’ sistemi bħal making work pay naqas l-abbuż mill-benefiċċji.Qal li waqt li qabel kien hemm probabbilità li persuna tibqa’ fuq il-benefiċċji għax id-dħul kien iqarreb il-paga minima nazzjonali, permezz tal-inċentivi bħat-tapering tal-benefiċċji, aktar nies li qabel kienu jistrieħu fuq il-benefiċċji soċjali, illum baqgħu fid-dinja tax-xogħol.
Is-Sur Cremona żied jgħid li dan l-inċentiv kien suċċess, u li sabiex jiġi evitat l-abbuż, jeħtieġ li d-Dipartiment ikompli jdaħħal miżuri. Qal ukoll, li mindu beda jaħdem dan id-Dipartiment fl-2006 ġew iffrankati mas-€46 Miljun.