Il-Maltin li jinsabu fil-Libja huma kollha sikuri u ma jinsabu f’ebda periklu.
Ikkonferma dan l- Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, fid-dawl tal-kunflitti li eskalaw fi Tripoli l-Libja, f’din l-aħħar ġimgħa:
“Aħna bħala Gvern inkwetati li b’dak li qiegħed jiġri fil-libja. Anki għal Libjani stess. Minħabba l-proċess tal-elezzjonijiet fil-Libja li kellhom iwasslu għal stabilità”.
Il-Ministeru Carmelo Abela qal li l-Ministeru tal-affarijiet barranin qed iżomm kuntatt mal-Maltin kollha fil-Libja, u qed isegwi is-sitwazzjoni mill-qrib.
Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru jirrizulta li hemm mal-għoxrin ċ-ċittadin malti jaħdem fil-Libja.
“Mill-informazzjoni li għandna, Maltin fil-Libja ma jaqbżux l-20. Jinsabu mhux viċin ta’ fejn hemm l-inkwiet. Jekk hemm, xi waħdiet. Imma l-oħrajn mhux qegħdin viċin fejn hemm l-inkwiet li qiegħed jiġi irraportat”.
ONE News jinsab infurmat li kien hemm xi Maltin li minħabba raġunijiet tax-xogħol kienu se jsiefru lejn il-Libja fis-siegħa li ġejjien, iżda bidlu l-pjanijiet minħabba li l-ajruporti fil-Libja huma magħluqa.
Jekk xi qraba ta’ Maltin fil-Libja jixtiequ jagħmlu kuntatt mal-Ministeru dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, jistgħu jċemplu fuq in-numru 21 242191.
Intant, s-sitwazzjoni ta’ kunflitt fil-Libja spiċċat ippolitiċizata mill-Partit Nazzjonalista.
B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar is-sitwazzjoni fil-Libja turi li l-Partit immexxi minn Adrian Delia reġa’ mhux jitlef okkażjoni waħda biex ikun partiġjan.
Anke f’ċirkostanzi fejn hu importanti li l-pajjiż ikun magħqud u fejn għandu jirbaħ l-interess Nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista għażel it-triq tal-konfront b’argumenti bla bażi.
Il-Partit Laburista qal li meta l-Partit Nazzjonalista joħroġ jgħid li l-pajjiż tilef il-pożizzjoni strateġika fid-dinja diplomatika jerġa’ joħroġ bħala partit negattiv. Dan għax fl-aħħar snin pajjiżna kellu rwol importanti tant li ntgħażel bħala lok għal summits importanti storiċi u saru laqgħat importanti anke b’rabta mal-kwistjoni tal-Libja.
Il-Partit Nazzjonalista għandu jieqaf ikun partiġjan fuq kull suġġett taħt il-kappa tax-xemx u f’mumenti delikati ma joħroġx jagħmel stqarrijiet mgħaġġla u mhux ibbażati fuq il-fatti, temmet għid l-istqarrija tal-Partit Laburista.