L-Aġenzija Svediża għall-Pensjonijiet iddeċiediet li tneħħi l-Falcon Funds mill-pjattaforma tagħha. Dan hu fond investigat u li tiegħu l-eks Ministru Tonio Fenech huwa direttur.
Din id-deċiżjoni qed tkun meqjusa bħala storika għaliex din hija l-ewwel darba li din l-aġenzija ħadet deċiżjoni ta’ dan it-tip fuq fond marbut b’rabta mal-pensjonijiet .
Fl-aħħar xhur il-fond kien qed ikun investigat mill-Aġenzija Svediża għall-pensjonijiet dwar allegat mod frodulenti li bih għaddew flus ta’ pensjonanti minn fond privat għal dan il-fond. Każ serju tant li dwaru saħansitra saru dokumentarji u li l-midja Svediża tat prominenza kbira.
Minn informazzjoni ekslussiva li tinsab f’idejn One News, l-investigazzjoni li saret mill-Aġenzija Svediża għall-pensjonijiet ikkonkludiet li l-fond li tieghu Tonio Fenech huwa direttur huwa perikoluż u ta’ riskju għall-pensjonanti li jixtiequ jinvestu flushom.
Din l-Investigazzjoni ġabet reazzjoni qawwija tant li ftit wara li kienet żvelata l-istorja, sar raid fl-uffiċċju ta’ Konsumentkraft, il-post fejn saru t-telefonati biex il-flus jgħaddu għall-Falcon fund.
Jirriżulta li t-tħassib hu kif Konsumentkraft, ibbażat f’Alicante, Spanja, ħeġġeġ lill-klijenti Svediżi biex jgħaddu t-tfaddil tagħhom minn fond privat għal Falcon Funds li tagħha Fenech huwa direttur.
Minn Konsumentkraft, persuni mhux ta’ esperjenza kienu mħeġġa jgħaddu l-flus minn fond għal ieħor permezz ta’ tattiċi li qed ikunu deskritti bħala frodolenti. Waħda mill-mistoqsijiet li qed iqumu hi jekk dan ix-xogħol sarx għal ċertu Emil Ingmanson li huwa rreġistrat fuq diversi indirizzi f’Malta, għandu kumpaniji f’Malta, aġixxa fit-twaqqif ta’ Falcon Funds u li issa qed ifittex liċenzja biex jibda negozju ġdid bl-isem ta’ Falcon Asset Management.
Hu ċaħad l-akkuzi li kien hu li qabbad lil Konsumentkraft tagħmel it-telefonati biex il-klijenti jgħaddu l-flus għal Optimus, u eventwalment Falcon Funds.
Iżda, l-awtorità għall-pensjonijiet fl-Isvezja qed tgħid li t-tfaddil ta’ 20,000 klijent li għadda għal Falcon Funds għandhom valur iktar għoli minn kemm hu, filwaqt li l-valur veru ta’ numru ta’ investimenti ma jistax ikun magħruf.
Tonio Fenech ċaħad l-akkużi u filwaqt li kkonferma li Konsumentkraft intużaw minn Falcon Funds qal li dan kien għall-perjodu żgħir fl-2015 għaliex imbagħad twaqqfu minħabba l-akkużi marbuta mal-mod kif kienu qed ibiegħu l-prodott.
Minħabba l-assoċjazzjoni ma’ din il-kumpanija Falcon Funds spiċċat ukoll sospiża, b’Tonio Fenech jgħid li ltaqa’ mal-awtoritajiet Svediżi u staqsa għalfejn is-sospensjoni ma tneħħitx.
Fenech kellu wkoll kliem ta’ difiża għal dan Ingmanson li skont l-eks Ministru Malti ffaċja akkużi mhux ġusti mill-mezzi tax-xandir Svediżi.
Fil-programm Cold Facts fl-Iżvezja kien spjegat ukoll kif sar l-allegat qerq fuq il-klijenti Svediżi. Hawn eks ħaddiem ta’ din il-kumpanija qal hekk: “Konna noffru biss Falcon Funds bħala ‘għażla’ għaliex huma kienu qed iħallsuna. B’hekk anke jekk il-klijent kien ikun irid fond ieħor, dan qatt ma kien se jiġri.”
Komplew jispjegaw kif kienu jitolbu l-klijenti d-dettalji biex jidħlu fis-sistemi u jitrasferixxu kollox malajr fil-Falcon Funds. B’dan il-mod qarrieqi, anke billi semmew l-awtoritajiet Svediżi, kienu trasferiti l-miljuni fi ftit żmien.
Iktar dettalji illeja fuq One News b’intervista esklussiva.