L-aħwa Peter u Andrea Theuma ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati li kienu qed jaħdmu u kellhom fil-pussess tagħhom nar illegali. Iż-żewġt irġiel ġew arrestati is-Sibt filgħodu fil-Gudja wara li nqabdu jaħdmu n-nar illegalment. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u talbu għall-ħelsien mill-arrest.
Fil-pusess tagħhom instab fost oħrajn 20kg ta’ porvli li jintuża fil-manifattura tan-nar. L-avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għal wieħed mill-akkużati qal kif l-imputati kkopperaw mal-Pulizija.
Dan in-nar instab f’ għalqa fi Triq l-Għellejel il-Gudja, fejn minn spezzjonijiet li saru nstab ammont konsiderevoli ta’ materjal suspettat splussiv u materjal ieħor relatat mal-logħob tan-nar.
Fl-operazzjoni ġew imsejjħa wkoll membri mill-Explosive Ordanance Disposal Unit, filwaqt li dwar dan il-każ hemm inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr. Josette Demicoli.
Iż-żewġ akkużati ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jsifrux u ma jinħbewx.