Żewġ Sirjani ta’ 22 sena u 20 sena tressqu l-Qorti ilbieraħ b’rabta ma’ argument li seħħ fil-Marsa ftit tal-jiem ilu, u serqa minn residenza privata mill-Ħamrun fl-istess lejl.
Iż-żewġ każi seħħew nhar id-29 ta’ Awwissu. Minn investigazzjonijiet preliminari li saru, jirriżulta li numri ta’ Sirjani sgassaw bieb ta’ residenza privata fi Triq Isouard fil-Marsa, u b’hekk seħħ l-argument. Jidher ukoll li hawnhekk intużat arma li taqta’ u bil-ponta, u oġġetti tal-ħadid. Amublanza li ssejħet fuq il-post ħadet żewġ Sirjani l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba li sofrew xi ġrieħi waqt l-argument.
Waqt din l-investigazzjoni, il-Pulizija rċeviet rapport ieħor li fi Triq Sant’ Antnin, il-Ħamrun ġie sgassat bieb ta’ residenza u nsterqu ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.
Iż-żewġt irġiel tressqu l-Qorti ilbieraħ akkużati li kkommettew serq aggravat minn residenza fil-Ħamrun, li kkaġunaw feriti ħfif b’armi li jaqtaw u bil-ponta u qiegħdu l-ħajja tat-terzi persuni fil-periklu, li ħebbew għall-numru ta’ persuni, li żammew arma mingħajr il-permess jew liċenzja li hemm bżonn, li għamlu ħsara fuq residenza privata filwaqt li kissru l-paċi pubblika.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.