Kċina nadifa u ta’ kwalità. Hekk biss tista’ tiġi deskritta l-kċina l-ġdida li kienet inawgurata f’Ġunju li għadda fir-residenza San Vinċenż de Paul. Wara ftit ġimgħat topera, ONE NEWS żar il-faċilitajiet li toffri din il-kċina waqt il-preparamenti ta’ ġurnata tipika fir-residenza.
James Carabott, il-Hospital Planning Manager spjegalna kif il-bżonn ta’ kċina ġdida kien ilu jinħass anka għall-fatt li kien hemm bżonn ta’ tagħmir aktar modern biex jaqdu d-domanda li kull ma jmur dejjem qed tikber.
Carabott qal li “Ridna ninvestu f’infrastruttura ġdida biex nibqgħu naqdu dawn il-bżonnijiet għaliex l-infrastruttura kif kienet ma setgħetx tilħaq ma dan il-livell. Illum il-kċina hija attrezzata bl-aktar equipment modern biex dawn il-prattiċi li qed nitkellmu fuqhom biex l-ikel jasal għand ir-residenti tagħna b’mod safe inkunu nistgħu nilħquhom.”Jixhdu dan il-filmati hekk kif wieħed seta’ jinnota l-iġene li tinuża biex ikun żgurat li joħroġ l-aqwa prodott possibli.
Huwa għalhekk li l-kċina hija mqassma f’diversi sezzjonijiet, bil-għan li l-ħaddiema jkunu ffukati fuq ix-xogħol tagħhom ukoll, kif spjegalna Josef Dimech, Operations Manager tal-istess kċina
Dimech qal li “Il-kċina hija parti importanti ħafn fejn jiġi produċut l-ikel kollhu pero hemm sezzjonijiet oħra fosthom fejn isir il-ħasil kollhu tal-wards kollha ta’ San Vincenz, sezzjoni oħra fjen nirċievu x-xogħol deliviersi u jiġi spezzjonat u hemm sezzjoni oħra fejn isir il-plating tal-ikel li jkun tiela fil-wards.”
It-tisjir jibqa’ l-aktar punt importanti f’dan kollu. Il-Head Chef Amon Baldacchino spjegalna dwar l-għażla tal-ikel ġdid għar-residenti.
Spjega kif “Bħala menu għandna menu vast, introduċejna 49 platt ġdid b’ingredjenti ġodda fosthom għandna aljotta, kosksu, Kanneloni u Lasagna, salamun u majjal mimli”
Baldacchino spjega li dawn l-ideat ġew minn sessjonijiet mar-residenti nfushom.
Spjegalna kif l-ingredjenti friski u l-iġene huma prijorità.
Baldacchino qal li “Għandna skedi ta’ tindif li jsiru kuljum. Nużaw il-hesip system, temperaturi tal-ikel x’sajjarna, temperaturi meta kessaħna, nirrekorjdaw kollox biex ikollna kollox xi jkun ħareġ u tindif li sar biexi nkunu 100% mar-regoli tas-sanità.”
Tul dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm kummenti pożittivi ferm dwar l-ikel.
F’dan id-dawl l-amministrazzjoni għażlet li l-anzjani jibqgħu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet. Dan hekk kif apparti sessjonijiet fejn ikunu jistgħu jduqu l-ikel, hemm ukoll sessjonijiet oħra fejn il-kokijiet jinżlu fis-swali mal-anzjani u jsajrulhom ikla kif jixtiequ huma bl-involviment tagħhom.