Ir-reġina tal-mużika soul Aretha Franklin ingħatat l-aħħar tislima f’Detroit, Michigan iktar kmieni llum.
Franklin kellha 76 sena u mietet il-ġimgħa l-oħra wara li nħakmet mill-marda qerrieda tal-kanċer.
L-eks President Amerikan Bill Clinton, il-kantant Stevie Wonder, il-kantanta Ariana Granda kienu fost il-mijiet ta’ artisti li ngħaqdu mal-qraba u s-segwaċi tal-kantanta biex ituha l-aħħar tislima. Il-funeral tagħha kiem imxandar b’mod dirett fuq diversi stazzjonijiet tal-aħbarijiet Amerikani.
Waqt iċ-ċerimonja kien hemm ukoll wirjiet dwar ħajjet il-kantanta, kif ukoll prestazzjonijiet minn diversi kantanti tad-diski li Franklin hija l-iktar magħrufa għalihom.
In-neputija ta’ Franklin iddekriviet lil zitha bħala mara li ispirat ħafna nies. Żiedet tgħid ukoll li d-diski tagħha kif ukoll il-laqgħat tagħha ma’ Martin Luther King għamluha mara prominenti fil-qasam tad-Drittijiet Ċivili favur in-nies b’ġilda skura.