Il-Pulizija qiegħda tinvestiga aktar minn 100 rapport li saru minn konsumaturi li allegatament ingidmu eluf kbar ta’ ewro mill-kumpanija ‘Rediscover The World’ li kienet toffri servizzi ta’ Time Share.
ONE NEWS jinsab informat li l-Iskwadra speċjalizata tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qeda tinvestiga dawn ir-rapporti li qed jidħlu f’għadd ta’ għases b’mod partikolari dik tal-Mosta. Bosta rapporti saru lill-Pulizija wara l-investigazzjoni li wettaq ONE NEWS li minnha rriżulta li kienu bosta l-konsumaturi li tħallew lampa stampa jistennew flushom lura. Il-konsumaturi qed jallegaw li ngidmu eluf ta’ ewro meta xtraw is-servizz ta’ ‘timeshare’ li ma ġewx onorati mill-kumpanija.
Hu mifhum li d-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Michael Tolan telaq minn Malta fl-aħħar jiem. Il-ħanut li kienet topera minnu l-kumpanija ilu għal dawn l-aħħar jiem bil-bibien magħluqa.
Sorsi qalu li mhux eskluż li jittieħdu passi legali marbuta ma’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti min-naħa tal-kumpanija.
Minn stħarriġ li għamel ONE News il-kumpanija ġiet irreġistrata mal-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji fis-27 ta’ Mejju tas-2003.
Il-kumpanija kienet tagħmel parti minn ‘Platinum International Malta’ u kienet toffri l-prodott ta’ ‘Timeshare’ taħt l-isem ta’ ‘Escape from Malta’. Għal xi żmien din il-kumpanija anke operat taħt l-isem ta’ World Class International.
Minkejja li fl-aħħar snin ftit li xejn smajna dwar irregolaritajiet fl-operat tal-kumpanija, sa sena wara mir-reġistrazzjoni tagħha f’pajjiżna, kienu diġà bdew ifeġġu allegati abbużi.
Minn riċerka li għamel ONE News jirriżulta li fis-sajf tal-2004, il-kumpanija diġà kienet qed tħabbat wiċċha ma’ problemi finanzjarji.
‘Paul Gerber’, Awstraljan li kien ġie Malta biex jaħdem ma’ din il-kumpanija, kien allega f’ġurnal bl-Ingliz li hu u martu ma kinux tħallsu l-paga mwiegħda. Żied jgħid li spiċċa jagħmel tajjeb ukoll għall-passaġġi u spejjeż oħra li suppost tħallsu mill-kumpanija. F’ittra oħra sid ta’ appartament qal lill-kumpanija ma kienetx ħallsitu tal-kera, ta’ appartament li kien kera lill-kumpanija.