Il-kriżi fis-settur tal-housing ħoloqha gvern nazzjonalista li fi kwart ta’ seklu ħa ftit li xejn inizjattivi tant li ħalla l-pajjiż b’lista ta’ stennija għal housing soċjali li tlaħħaq l-eluf. Dan il-gvern qed jindirizza l-isfidi f’dan is-settur b’għadd kbir ta’ inizjattivi mifruxa skont il-ħtiġijiet ta’ persuni differenti. Inizjattivi li huma ferm ikbar minn dawk li qatt għamel il-Partit Nazzjonalista mill-gvern. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-PL qal li mijiet bi dħul baxx qed ikunu mgħejjuna isiru sidien ta’ djarhom permezz ta’ social loans. Oħrajn kienu mgħejjuna bi skemi ta’ kiri u eluf oħra b’sussidji għola.Spjega li mijiet ta’ persuni oħrajn se jgawdu mill-ikbar proġetti ta’ bini ta’ units ta’ housing. Dan hu l-ewwel gvern f’deċenji li qed jinvesti bis-serjetà f’housing għal dawk li jifilħu l-inqas, hekk kif qed ikunu investiti €110 miljun ewro f’siti diversi madwar il-pajjiż.
L-istqarrija sostniet li mbagħad, nirrikonoxxu li jeżistu wkoll sfidi mis-suċċess ekonomiku li kellu pajjiżna u li jistgħu jitfgħu pressjoni ġdida. Hemm ukoll huwa l-gvern preżenti li għandu s-soluzzjonijiet.
Temmet billi qalet li hija ħasra li l-Partit Nazzjonalista għadu ma fehemx li s-soluzzjoni mhix li tibża’ mill-bidla u tipprova treġġa’ l-arloġġ lura. Is-soluzzjoni hi li nirkbu fuq is-suċċess li ksibna biex noħorġu b’soluzzjonijiet ġodda. Hija din it-tip ta’ politika li ttejjeb l-affarijiet u mhux il-politika tal-biża’ tal-Partit Nazzjonalista li ma twassal għal imkien.