Tristan Falzon ta’ ħamsa u tletin sena minn Ħal Qormi ġie mressaq il-Qorti akkużat li seraq diversi oġġetti minn propjetà f’Ħal Qormi fil-lejl tat-23 ta’ Awwissu. Huwa ġie akkużat ukoll mill-Ispetturi Shaun Friggieri u Roderick Agius b’kompliċità f’serq aggravat minn vettura f’Ħal Qormi nhar is-26 ta’ Awwissu li għadda, li żamm oġġetti misruqa u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, l-akkużat wieġeb mhux ħati. Skont l-avukat tiegħu Raisa Colombo qalet lill-Qorti huwa għandu bżonn għajnuna u trattament għall-problema tad-droga. Min-naħa l-oħra l-uffiċjal tal-probation tal-akkużat qal lill-Qorti li l-akkużat ma kienx qiegħed iżomm l-appuntamenti tiegħu.
Il-Qorti rreferiet din it-talba lid-direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, filwaqt li l-akkużat inżamm arrestat.