Il-pittura ta’ Santa Rosalia ta’ Mattia Preti li tinsab fil-Knisja ta’ Sarria fil-Floriana tinsab fi triqitha lejn Palermo.
Dan hekk kif għall-ewwel darba f’din il-belt, il-Fondazzjoni Federico t-Tieni, li hija l-istituzzjoni kulturali fi ħdan il-Palazz Irjali, se torganizza wirja kollha kemm hi ddedikata għal Santa Rosalia, il-qaddisa patruna ta’ Palermo.
Fl-aħħar xhur il-President tal-Assemblea Reġjonali ta’ Sqallija talab formalment lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca sabiex pajjiżna jagħti kontribut lil dil-wirja internazzjonali.
Dan billi toffri l-pittura ta’ Santa Rosalia, impittra minn Mattia Preti fis-Seklu 17. Talba li ntlaqgħet mill-President u ħadet ħsieb li twettaqha.Ilbieraħ filgħodu, il-President Colerio Preca u l-Ministru għal Kultura Owen Bonnici żaru x-xogħol ta’ ppakkjar li qed isir fuq il-pittura, sabiex ma tiġrilha l-ebda ħsara waqt il-vjaġġ.
Il-wirja se tkun inawgurata fl-erbgħa ta’ Settembru fis-Swali tad-Duka ta’ Montalto fil-Palazz Irjali, u se tagħti imbuttatura lill-preżenza tal-aqwa pittura li fiha hemm il-protettriċi tan-nies ta’ Palermo.
Jingħad li Santa Rosalia kisbet dan it-titlu mal-Isqallin ta’ Palermo hekk kif kienet hi li ħelset lill-istess belt mill-pesta fis-Seklu 17.