Bajda waħda miss ma faqqsitx mill-112 li biedet il-fekruna fil-Ġnejna lura f’Ġunju li għadda. Il-ferħ tal-fekruna faqqsu nhar it-22 ta’ Awwissu li għadda wara xahrejn jiġu mħarsa minn voluntiera tan-Nature Trust u mill-ERA.
F’kummenti ma’ one.com.mt, id-Direttur Eżekuttiv tan-Nature Trust Vincent Attard spjega kif dalgħodu stess, uffiċjali mill-ERA kixfu l-bejta fil-ġnejna biex jaraw ir-rata ta’suċċess taċ-ċiklu.
“Din kienet 99% ta’ suċċess, xi ħaġa li hija rari ħafna” stqarr Attard.
B’kollox, il-fekruna biedet 112 bajda, li minnhom, 111 faqqsu.
Il-bajda li ma faqqsitx tinsab f’post sigur fi ħdan l-ERA, sabiex isiru testijiet biex jiddeterminaw għalfejn ma faqqsitx.