Kien ingawgurat il-Ġnien ta’ Meditazzjoni fuq il-bejt tal-binja ‘WOW’ biswit il-Millenium Chapel li qiegħed ikompli jressaq l-ispiritwalità fost il-komunità ta’ Paceville.
Dan il-ġnien fil-mekka tad-divertiment f’Paceville kien il-ħolma tal-qassis Hilary Tagliaferro, il-fundatur tal-Millanium Chapel. Il-ġnien bl-isem ta’ ‘The Word’ jiġbor fih bosta pjanti indiġeni li jissemmew fil-ktieb ‘Maltese Plants in the Bible’ ta’ Peter Calamatta.
Il-fundatur stqarr ma’ One News il-ħsieb wara dan il-ġnien ta’ meditazzjoni.
“Aħna diġa għandna l-kappella bl-ewkaristija għal dawk li jemmnu, pero xtaqna li noħolqu wkoll spazju għal dawk li mhumiex insara, buddisti, hawnhekk hawn post ta’ turiżmu, musulmani jew oħrajn, illi m’humiex insara pero xorta waħda qed ifittxu l-paċi fil-qalb tagħhom”.
Il-ġnien huwa maqsum fuq żewġ livelli, wieħed bl-isem ‘Cassiciaco’ u l-ieħor bl-isem ‘Hippo’. L-ismijiet huma assoċjati mal-qaddis Santu Wistin hekk kif il-kappella hija mmexxija mill-Patrijiet Agostinjani. Il-ġonna tfasslu mill-perit Richard England.
Fr. Hillary qalilna li l-unika xewqa li fadallu hija li jara dan il-post jagħmel differenza fis-soċjetà u f’dawk kollha li jagħmlu użu minnu:
“Aħna nixtiequ li jintuża. Hawn ħafna nies li jixtiequ jfittxu l-paċi permezz ta’ Yoga, permezz ta’ meditazzjoni. Anke fir-rijabilitazzjoni ta’ dawk li għaddejjin minn xi ‘addiction’. Għandhom bżonn ħafna l-ispiritwalitá. Hawnhekk huwa miftuħ għalihom bil-qalb kollha. Jistgħu jiġu hawnhekk u jużawh bil-qalb kollha.”
Il-ġnien ġie inawgurat mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u imbierek mill-Provinċjal Agostinjan Fr Leslie Gatt.