Nhar it-8 ta’ Settembru 2018, Heritage Malta se tkun qed tiftaħ il-bibien ta’ Forti Sant’Anġlu bi prezz imraħħas ta’ €2 għall-pubbliku sabiex tfakkar il-ġurnata tal-Vitorja. Din l-attività se tinkludi wkoll l-aċċess għall-partijiet ta’ fuq tal-forti li hija amministrata mill-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta.
Il-ġurnata tal-Vitorja hija msejjsa ma’ għadd ta’ ġrajjiet sinifikanti, fosthom ma’ żewġ rebħiet ta’ assedji, u għalhekk hija importanti ferm kemm għall-gżejjer Maltin u kif ukoll għall-poplu Malti. Fit-8 ta’ Settembru 1565, l-armata Ottomana irtirat mill-attakk qawwi li kienet ilha tagħmel fuq Malta għal tliet xhur sħaħ, filwaqt li l-istess ġurnata tal-1943 rat it-tmiem tal-bumbardamenti kiefra li kienu qed isiru fuq il-gżejjer Maltin wara li r-reġim Faxxist ħabbar l-armistizju. Inċidentalment, din il-ġurnata taħbat ukoll maċ-ċelebrazzjoni tat-twelid tal-Verġni Marija.
Bħala tifkira ta’ dawn l-avvenimenti, Heritage Malta se tkun qed torganizza diversi attivitajiet fil-Forti Sant’Anġlu:
Fl-10:00am, se tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Kappella tan-Natività tal-Verġni Marija.
Fil-11:00am se ssir kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Assedju l-Kbir.
F’nofsinhar se tiġi ċċelebrata quddiesa oħra, did-darba fil-Kappella ta’ Sant’Anna.
Diversi gruppi se jkunu qed janimaw is-sit matul il-ġurnata, fosthom: Show of Arms, Historic Re-enactment Group Malta, u Battlefront Malta. Se jkun hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ Malta Historical Fencing Association, Malta Royal Navy Association, u Fridericus Rex Malta Falconers.
Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jgawdu wkoll ir-Regatta tradizzjonali li ssir fil-Port il-Kbir wara nofsinhar.
Ħinijiet tal-ftuħ: Mid-9:00am sas-6:00pm, l-aħħar dħul fil-5:30pm.
Il-membri ta’ Heritage Malta li jippreżentaw il-membership card jidħlu bla ħlas.