Statistika maħruġa mill-Eurostat tindika li l-ġid nazzjonali ras għal ras ta’ pajjiżna laħaq 89% tal-medja Ewropea. Dan huwa l-ogħla livell għal pajjiżna osservat kemm ilha ssir din l-analiżi mill-aġenzija Ewropea tal-istatistika.
Imqabbel ma’ sena ilu l-qagħda relattiva ta’ pajjiżna tjiebet sostanzjalment. Dan għaliex fl-2014 il-ġid nazzjonali ras għal ras f’pajjiżna kien biss 86% tal-medja Ewropea. It-titjib ta’ 3 punti perċentwali jikkuntrasta bil-kbir mal-andament tal-ekonomija ta’ pajjiżna fit-tieni nofs tal-leġiżlatura preċedenti. Fil-fatt bejn l-2010 u l-2012 il-ġid nazzjonali ras għal ras ta’ Malta kien waqa’ minn 86% tal-medja Ewropea għal 84%.
Matul l-ewwel nofs ta’ din il-leġiżlatura pajjiżna mhux talli reġa’ kiseb lura dak li tilef fl-aħħar nofs tal-leġiżlatura preċedenti, imma talli tejjeb il-pożizzjoni tiegħu bi 3 punti perċentwali oħra.