Fl-Italja lbieraħ filgħaxija ġiet fi tmiemha t-tieni ġurnata tas-Serie A fejn Spal u Udinese rreġistraw it-tieni rebħa staġjonali.
Bla dubju spikka d-draw ta’ 2 – 2 bejn Inter u Torino. Inter marru fil-vantaġġ wara biss 6 minuti logħba grazzi għal Ivan Perisic biex ftit wara in-nofsiegħa logħob Stefan De Vrij jaghmilhom 2 – 0. Inter dehru li ser ikomplu fuq l-istess ritmu fit-tieni 45 minuta iżda r-reazzjoni ta’ Torino kienet tajba biżżejjed biex mill-partita irnexxilhom jieħdu punt.Kienu Andrea Belotti li wara għaxar minuti logħob fit-tieni taqsima għamilhom 2 – 1 b’Meite jġib il-goal tad-draw fit-68 minuta.
Skor tenistiku għal Fiorentina li f’darhom għelbu bla wisq tbatija lil Chievo Verona 6 – 1 b’goals minn Milenkovic, Gerson, doppjetta ta’ Benassi, Chiesa u Simeone.
Spal ukoll ħadu tlett punti meta b’goal uniku ta’ Antenucci għelbu lil Parma 1 – 0.
Ilbieraħ ġew irreġistrati żewġ drawijiet oħra. Draw ta’ 2 – 2 bejn Cagliari u Sassuolo u draw ta’ mingħajr goals bejn Frosinone u Bologna. Genoa għelbu lil Empoli 2 – 1 filwaqt li Udinese f’darhom għelbu lil Sampdoria 1 – 0 b’goal ta’ De Paul wara 9 minuti.
Illejla tiġi fi tmiemha t-tieni ġurnata bil-logħba bejn Roma u Atalanta fil-20:30.