Sal-aħħar ta’ din is-sena mistenni jitlesta il-grawnd tal-futbol ta’ Marsaskala – wegħda elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Il-grawnd li qed jinbena propju biswit il-park tal-familja qed isir b’investiment ta’ ‘l fuq minn żewġ miljun ewro u qed issir kollu kemmu mill-Gvern taħt it-tmexxija ta’ Sport Malta.Ġaladarba jitlesta x-xogħol, il-grawnd se jgħaddi f’idejn it-tim tal-futbol ta’ Wied il-Għajn.
Fi żjara li għamel ONE News seta’ jinnota r-ritmu mgħaġġel li bih għaddej ix-xogħol tant li partijiet minn dan il-kumpless sportiv diġà bdew jiġu mgħammrin bl-apparat meħtieġ.
Iċ-Chairman ta’ Sports Malta Luciano Busuttil qal li dan il-grawnd ser jilħaq l-istandards mitluba mil-FIFA għal grawnd tal-futbol.
It-tim tal-futbol ta’ Marsaskala twaqqaf propju tmien snin ilu u f’dawn is-snin kellu joħroġ ammonti ta’ flus biex jagħmel it-taħriġ tiegħu fi grawnds oħra.
In-Nutar Cory Greenland li jiffroma parti mill-Kumitat tal-futbol ta’ Marsaskala qal li t-team jista’ jagħmel aktar minn dak li għamel s’issa anke jekk jinsab fit-tielet diviżjoni.
B’kollox dan il-kumpless sportiv se jkun fih medda ta’ art ta’ sitt elef metru kwadru. Il-proġett ser ikun mifrux fuq żewġ sulari u se jinkludi wkoll restorant, klinika, għadd ta’ dressing rooms u żona għal mitejn spettatur.