Il-pjan ta’ strateġija għall-Kottonera mistenni jitnieda għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru li ġej. Dan wara li tħejja mal-Kunsilli Lokali tal-lokalitajiet involuti fix-xhur li għaddew.
Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield qal mal-gazzetta KullĦadd li s-sehem tal-Kunsilli Lokali huwa wieħed kruċjali. “Ħdimna magħhom fit-tħejjija tal-pjan ta’ strateġija u rridu naħdmu aktar flimkien ġaladarba tibda l-implimentazzjoni tal-pjan,” qal Bedingfield li kien fdat mill-Prim Ministru bi tħejjija ta’ din l-istrateġija f’Marzu tas-sena li għaddiet.“Ħassejtni privileġġat meta l-Prim Ministru tani l-inkarigu biex nieħu ħsieb inħejji din l-istrateġija li trid ittejjeb il-livell soċjali u ambjentali fil-postijiet fejn trabbejt jien u għadni noqgħod bil-għan li t-tlett ibliet jesperjenzaw riġenerazzjoni u jgawdu mill-avvanz ekonomiku kbir li qed jagħmel pajjiżna. Il-Kottonera hija għal qalbi wisq u aktar minn hekk huma għal qalbi n-nies tagħha. Fix-xhur li għaddew, bdejna naħdmu biex il-miri jibdew jitwettqu u ħejjejna pjan,” spjega Bedingfield.
Storikament il-Kottonera kienet post vibranti. B’nies tas-sengħa, negozjanti u attivitajiet marittimi oħra. Il-gwerra ġabet magħha l-qerda u bidlet ħafna l-istorja ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu. Kien żmien ir-rikostruzzjoni. Eluf ta’ familji li ħarġu mill-Kottonera minħabba l-gwerra ma reġgħux ġew lura. Mas-snin, il-Kalkara wkoll bdiet tikber u llum għandha l-iċken popolazzjoni fil-Kottonera meta mqabbel mat-tlett ibliet.
Madankollu, 70% tar-residenti tal-Kottonera llum il-ġurnata kellhom lill-ġenituri tagħhom joqogħdu fl-istess lokalità. Iżda 57% biss kellhom lin-nanniet tagħhom jgħixu fil-Kottonera u dan huwa indikattiv ta’ kif inbiddlu n-nies minn wara l-gwerra lil hawn.
Meta wieħed iħares lejn il-bini tal-Kottonera jista’ jara li l-maġġoranza tal-postijiet inbnew wara l-gwerra, 2,200 post minn total ta’ 4,153 post. Il-postijiet ta’ qabel il-gwerra jammontaw għal 1,358 post. Bħal lokalitajiet oħra, fil-Kottonera għandna ammont ta’ postijiet vojta, bl-akbar ammont ikun f’Bormla b’645 propjetà u l-anqas fil-Kalkara. Dawn il-postijiet huma kollha ta’ sidien privati.
Matul l-aħħar 100 sena l-Kottonera baqgħet tara tnaqqis ġenerali fil-popolazzjoni. Fil-fatt fit-tlett ibliet u fil-Kalkara jgħixu mat-13,400 persuna li jammontaw għal 2.9% tal-popolazzjoni Maltija. Bormla hija l-akbar belt b’5,200 ruħ, l-Isla b’2,700, il-Birgu b’2,500 u mat-3,000 fil-Kalkara.
F’dawn l-aħħar snin il-Kottonera esperjenzat influss ta’ residenti barranin, il-maġġoranza tagħhom Ewropej. Dawn jammontaw għal madwar 3% tal-popolazzjoni fl-erba’ lokalitajiet.
“Riċentement il-Kottonera bdiet tesperjenza kambjament qawwi, speċjalment fejn jidħol l-ambjent. Tlesta l-proġett tal-Baċir Numru 1, sar xatt ġdid fl-Isla, ir-restawr tal-Fortizza Sant’Anġlu u xogħlijiet oħra li sebbħu l-inħawi. Iżda x’jiswa li jsir investiment fil-ġebel jekk ma jsirx investiment fin-nies? Dan hu l-pass li jmiss. Irridu ninvestu fin-nies ta’ din il-komunità li qiegħda fi tranżizzjoni,” spjega Bedingfield.
Żied jgħid li issa huwa l-mument li nħarsu ’l quddiem lejn kif irridu nimxu għaż-żmien li ġej. “Il-viżjoni tiegħi hija li nara lill-Kottonera fuq livell aħjar minn lokalitajiet oħrajn fejn għandhom x’jaqsmu l-edukazzjoni, id-dħul tal-familji, il-kultura u t-turiżmu biex insemmi ftit mill-oqsma. Tajjeb li nkomplu nibdlu l-ambjent, imma rridu nibdlu wkoll lin-nies biex jagħrfu jaħtfu l-opportunitajiet li għandna fil-Kottonera. Lokalitajiet li huma mżewqa b’beni kulturali li jistgħu ikunu mezz ta’ għajxien,” qal id-Deputat Laburista.
Tenna li “n-nies tal-Kottonera nintgħarfu minn kif nitkellmu, għandna karatteristiċi li ma ssibhomx f’postijiet oħra f’pajjiżna, għandna binjiet mill-isbaħ li sawru l-istorja ta’ Malta. Sta għalina li nisfruttaw il-karatteristiċi tagħna biex inkunu reġjun ewlieni.”
L-istrateġija għall-Kottonera għalhekk hija bbażata f’qafas ta’ politika b’attenzjoni partikolari għall-isfidi soċjoekonomiċi f’kuntest ta’ wirt storiku u kulturali u opportunitajiet ta’ investiment inerenti.
“L-istrateġija tal-Kottonera tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tagħha, l-istess nies li jridu jkunu s-suċċess ta’ dan il-pjan,” temm Bedingfield.