Fis-sitwazzjoni kumplessa tal-immigrazzjoni, wieħed jista’ japprezza x-xogħol li sar matul is-6 snin li għaddew, fejn il-mod ta’ kif din il-kwistjoni ġiet indirizzata, naqas bil-kbir in-numru ta’ immigranti gejjin lejn pajjiżna. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’intervista rrekordjata fuq ONE radio u Facebook Live tal- Partit Laburista.
“Illum ‘il ġurnata, minkejja dak kollu li jingħad, bix-xogħol illi sar, fosthom matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-wasliet jew biex ngħidu hekk, it-traġitti bejn il-Libja u l-Ewropa fiċ-Ċentru tal-Mediterran, mis-sena l-oħra għal din is-sena, naqsu bi 80%, jiġifieri għal kull 100 vjaġġ li kien isir is-sena l-oħra, issa qed isiru 20 vjaġġ,” qal il-Prim Ministru fid-dawl li ta’ kuljum, il-gvern jiltaqa’ ma għexieren ta’ każijiet li eventwalment jiġu rrapurtati biss mill-mezzi tax-xandir waħdiet minnhom.
“F’dak li qegħdin nagħmlu, qegħdin dejjem nibbilanċjaw bejn l-interess nazzjonali li jiena qiegħed hawnhekk sabiex niddefendi l-interess ta’ kull Maltija u kull Malti ġewwa pajjiżna kif ukoll id-dinjita’ umana li nara illi pajjiżna ikun qiegħed isegwi r-regolamenti internazzjonali,” kompla l-Prim Ministru.
Dak li ġara fl-aħħar jiem fl-Italja u fuq livell Ewropew, fil- kwistjoni tal-vapur tal-Coast Guard Taljana, id-Diciotti, Muscat fisser kif din is-sitwazzjoni żvolġiet minn għadd ta’ persuni li kienu telgħin mil-Libja, għaddejjin miz-zona ta’ Search and Rescue ta’ Malta u għalhekk responsabilità ta’ Malta. Iżda Malta, bħal kull pajjiż ieħor, ma tistax tordna lil xi ħadd biex jieqaf. Ġaladarba ma kellhomx bżonn salvataġġ u rrifjutaw li jiġu salvati, baqgħu mexjin lejn l-Italja iżda qabel daħlu fl-ibħra responsabilta’ tal-Italja, ġew interċettati minn dan il-vapur militari biex ma jitħallewx jidħlu fl-ibħra internazzjonali Taljani.
Muscat saħaq li “it-tagħlima li toħroġ minn dan kollu hija li mhijiex bil-kliem li inti ssib is-soluzzjonijiet, mhuwiex bid-daqs tal-pajjiż li wieħed isib is-soluzzjonijiet, mhuwiex sempliċiment kemm titwijtja illi ssib is-soluzzjonijiet, imma hija bil-persważjoni. Malta, f’każijiet ferm aktar kumplikati minn dawn, sabet solidarjeta’ sħiħa Ewropea u rnexxielna nsibu soluzzjonijiet politiċi għall-każijiet li kienu b’mod ċar mhux responsabilta’ tagħna.”
Minkejja l-kritika lokalment, Muscat fiehem kif il-moralita’ tiġi primarja jekk ikun hemm “dgħajsa li qegħda tegħreq, b’2 katavri fuqha, jien dawn il-persuni ma nistax inħallihom jgħerqu.”
Meta kien hemm każijiet ferm aktar kumplikati, fosthom tal-Aquarius jew tal-Lifeline, Muscat qal li Malta wriet li kapaċi tinnegozja u tikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea biex terfa’ hi wkoll ir-responsabilta’ u jinqasam il-piż. Dan kollu ġara f’temp ta’ ftit sigħat jew ftit jiem.
Il-Prim Ministru fakkar li fil-każ tal-Lifeline, din kienet “l-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni Ewropea li nqasam il-piż bejn pajjiżi differenti mentri fil-każ Aquarius, 140 persuna ddaħħlu Malta u qegħdin jintbagħtu f’pajjiżi oħra. Lanqas persuna waħda minn dawn il-140 se tinżamm f’Malta.”
Fl-istess kuntest, il-Prim Ministru spjega kif il-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jiltaqa’ mal-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis sabiex jitkellmu fuq din il-kwistjoni minkejja li għandhom ħsibijiet totalment diffferenti f’dan ir-rigward. “Hawnhekk tieħu l-forma tagħha l-perżważjoni, meta tipperswadi lil min ma jaqbilx miegħek,” kompla Muscat.
Meta l-issue tal-imigrazzjoni ġiet diskussa l-ġimgħa li għaddiet ġewwa Brussell, “ħadd ma ħammar wiċċ Malta u ħadd ma seta’ jgħid lil Malta li inti ma qdietx dmirha f’din il-biċċa,” saħaq il-Prim Ministru.
Fid-dawl tal-attitudni ta’ Salvini, għal Muscat, din hija turija biċ-ċar li l-politika Ewropea ssir bir-raġunar, bil-persważjoni ghalkemm xi drabi ma jkunx hemm qbil, iżda qatt ma ssir billi toqgħod tagħmilha tal-bully jew billi tirrikorri għal tweets.
10,000 ewro għall-familji li jadottaw
Il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu bit-twettiq ta’ din il-miżura, miżura li jħoss li tmur id f’id f’id mar-riformi tal-liġi tal-IVF.
“Minkejja li tolqot numru żgħir ta’ nies, turi fil-verita’ l-ispirtu tagħna li rridu aktar familji, mhux biss raġel u mara iżda wkoll persuni tal-istess sess. Din mhux kwistjonita’ kapriċċ. Din hija kwistjoni kruċjali,” fisser il-Prim Ministru.
Muscat kompla jispjega kif “dawk il-koppji, jew b’għażla jkunu marru għall-addozzjoni għaliex ma jkunux iridu jgħaddu mill-proċess tal-IVF jew ikunu għaddew mill-martirju tal-IVF u jippruvaw jadottaw.”
Għalissa, mingħajr ma jidħol fil-kontroversja dwar kif u għaliex, il-Prim Ministru saħaq li “minħabba li f’pajjiżna ma għandniex, għal diversi raġunijiet, tfal għall-addozzjoni jew diffiċli ħafna, il-koppji jridu jmorru f’pajjiżi oħra. Dawn jonfqu ħafna flejjes fi spejjes legali, u aħna xogħolna bħalissa huwa li naraw lil dawn in-nies intaffulhom l-ispejjes tagħhom.
Trasport b’xejn mill-bidu tas-sena skolastika
il-Prim Ministru spjega kif “din hija miżura oħra importanti li għandha mpatt fuq eluf ta’ familji li għandhom it-tfal tagħhom jattendu l-iskejjel tal-knisja u l-iskejjel privati u għandha wkoll impatt fuq it-traffiku eventwalment.
B’kuntrarju ta’ ftit xhur ilu, fejn ċertu familji kienu jwasslu lit-tfal tagħhom personalment fl-iskejjel biex jiffrankaw spejjeż żejda, issa din il-problema se tiġi solvuta b’effettivita u b’koordinazzjoni.
Ikomplu r-ratings pożittivi għal Malta
Il-Prim Ministru fisser kif din mhix sorpriża u “kull ġimgħa kellna waħda f’dawn l-aħħar ġimgħat. Issa kellna l-Moody’s din il-ġimgħa li kkonfermat l-outlook pożittiv lejn Malta.”
Moody’s fissret lil Malta bħala pajjiż żgħir iżda miftuħ għall-taqlib internazzjonali.
Muscat fiehem li dak li wassal għas-suċċess ta’ pajjiżna “mhumiex il-ħitan iżda l-ftuħ. Li kieku l-ekonomija tagħna, nibnuha fuq il-ħitan, li kieku aħna nkunu mingħalina li dawk il-ħitan qegħdin ituna kenn mir-riħ, iżda dawk il-ħitan ikunu qed jiġġarrfu fuqna. Meta tkun miftuħ għandek aktar sfidi imma jekk ikollok il-ftuħ u tmexxija li taħkem il-qawwiet tas-suq, dik tagħmel aktar resilient.”
Sejħa ġdida għall-programm LEAD
Wara li ġiet imnehdija t-tieni sejħa għall-programm LEAD, il-Prim Ministru esprima x-xewqa tiegħu li sa 10 snin oħra, nilħqu l-parita’ fis-sessi ta’ dak li għandu x’jaqsam rappreżentanza f’kull istituzzjoni.
Sorpriż bir-reazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa f’LEAD, li ġejjin from all walks of life, Muscat fiehem kif daħlu persuni li “ġenwinament qatt ma resqu lejn ħajja pubblika, iżda xħin semgħu b’din il-possibilita’ qalu irrid nidħol għaliha. Jien iltqajt ma’ kull parteċipanta f’dan il-programm u ma jfissirx li kull min daħal għal programm, ħa jispiċċa joħroġ għal xi elezzjoni. Hemm parti sostanzjali minnhom li ħa joħorġu, hemm nisa oħra li ndunaw li l-politika mhix għalihom imma forsi jridu jidħlu f’xi NGO u hemm dawk li għamlu din l-esperjenza iżda bħalissa għandhom prijoritajiet oħra u 3 years down the line, jidħlu għad-dinja tal-politika.”