Kevin Cacciattolo ta’ 42 sena u li m’għandux indirizz fiss, tressaq il-Qorti akkużat li seraq iktar minn €2,300 Anthony Buttigieg ta’ 72 sena waqt serqa f’ħanut tat-tabakk. Huwa kien akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi gravi lill-vittma, u li żammu kontra l-volontà tiegħu. Dan filwaqt li kellu fuqu arma u li huwa riċediv.Filwaqt li l-akkużat deher fl-awla b’ħarsa pjuttost ċassa u bla emozzjoni, il-familjari tiegħu preżenti dehru kommossi sew.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Lara Butters u l-ispettur Clayton Camilleri qalet kif l-akkużat għamel statement il-ġurnata ta’ qabel fejn fih huwa ammetta l-akkużi. Madankollu huwa għażel li jwieġeb mhux ħati fl-awla permezz tal-avukat Abela li deher jiddefendieh.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. Għalhekk il-Qorti zammet lill-akkużat arrestat filwaqt li ħadet nota tar-rakomandazzjonijiet li d-difiża għamlet lid-direttur tal-ħabs. Minħabba li l-akkużat huwa dipendenti fuq id-droga huwa għandu jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli filwaqt li jingħata t-trattament meħtieġ. Il-Qorti saħħqet li issa d-direttur għandu jara li dak li qalet id-difiża huwa veritier.