Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli għal darb’oħra organizzat “Logħob għal Kulħadd”, attività maqsuma fuq ġimgħa li rat timijiet ta’ tfal u żgħażagħ jikkompetu bejniethom, bil-għan li jimpenjaw liż-żgħażagħ b’mod fiżiku u jibqgħu ‘il bogħod minn vizzji bħal dak tal-logħob.
Din kienet il-11-iledizzjoni ta’ din l-inizjattiva li din is-sena saret fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat f’Malta.
Priscilla Muscat, mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, tkellmet dwar l-importanza ta’ għarfien dwar logħob responsabbli, u għamlet referenza wkoll għall-kampanja edukattiva fost l-istudenti primarji tar-raba’ sena, fejn ħaddiema mill-Fondazzjoni jżuru l-iskejjel biex tintlaqa’ l-problema ta’ logħob patoloġiku minn età tenera. Sqarret li “attivitajiet bħal dawn jgħinu liż-żgħażagħ sabiex iżommu ‘l bogħod mill-vizzji speċjalment il-vizzju tal-logħob. Dan huwa mod alternattiv kif nappoġjaw bis-sħiħ inċentivi u attivitajiet sportivi. Bħala Fondazzjoni nixtiequ napellaw bis-sħiħ lil min qed isegwini u għandu problema ta’ logħob hija importanti ħafna li jċemplilna fuq il-helpline tagħna 1777 sabiex isib l-għajnuna meħtieġa”.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Żgħażagħ Rabtin Pawlini, Henry Debattista, spjega kif bħala għaqda huma jippruvaw jorganizzaw diversi attivitajiet għaż-żgħażagħ fil-komunita tagħħhom. Huwa qal li “għaż-żgħażagħ ta’ San Pawl tar-Rabat, l-għan tagħna huwa li kemm jista’ jkun nagħqdu iż-żgħażagħ u nżommuhom fil-kommunità tagħna, allura dejjem nippruvaw noħorġu b’xi ideat biex dejjem inżommu iż-żgħażagħ lura minn vizzji oħra”.
Intant, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri enfasizza l-importanza ta’ attivitajiet bħal dawn.