Mara talbet sid ta’ kelba fox terrier biex tieħu lill-kelba magħha u ssibilha ħajja aħjar wara li rat lil sidha jkaxkarha mill-kullar lura għar-razzett mnejn ħarbet. Il-kelba nstabet maħruba b’għonqha misluħ mill-mara, li issa qed tipprova ssibilha sid ġdid.
Messaġġ li qed idur fuq il-midja soċjali qed taqsam l-istorja ta’ qsim il-qalb ta’ kelba dħulija li nstabet maħruba lbieraħ. Il-mara li sabitha, mal-ewwel talbet l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li hekk kif waslu fuq il-post, qalulha li l-kelba kienet iċċippjata.
Sidha ssejjaħ minnufih, iżda hekk kif lemħitu, il-kalba ma ferħitx. Is-sid qalilh ‘ħudha ħi!’ hekk kif il-mara staqsietu tistax tieħu lill-kelba magħha biex tatiha ħajja aħjar ma’ xi familja ġdida.
Il-mara sostniet li l-kelba hija ferriħija ħafna, iżda għandha bżonn sid li jkun magħha ta’ spiss għaliex tbati mill-anzjetà. Il-mara żiedet tgħid li ma tistax iżżommha hi minħabba l-ħinijiet li taħdem.
Hija talbet lil kull min jaf b’xi ħadd li lest joffri qalbu għal din il-kelba ubbidjenti u dħulija, li skont il-mara, għandha madwar sentejn.